Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ir-Randan – 40 jum ta’ sawm u sagrifiċċju għall-Insara

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Wara l-Karnival, jasal ir-Randan… erbgħin jum li jfakkru l-erbgħin jum li Kristu għamel fid-deżert qabel mar lejn il-belt fil-Ġimgħa Mqaddsa u nafu x’kien ġara. Huma jien ta’ sagrifiċċju għall-Insara bi preparazzjoni għall-Ġimgħa Mqaddsa u l-Passjoni.

Meta kont abbati niftakar il-knejjes kienu jieħdu sura differenti. Tiżjin kien ikun hemm mill-inqas u aktar ma jgħaddu ġranet fir-Randan, it-tiżjin kien ikompli jonqos u fl-aħħar kienu anki jitgħattew l-istatwi u l-pitturi. Fil-knejjes tibda tkun preżenti r-riħa partikolari tal-ġiżi, jew tal-freżji. Huma rwejjaħ ħelwin ħafna iżda xorta jfakkruni fin-niket tal-ġranet li ġejjin, forsi minħabba li sena wara sena dejjem fir-Randan issibhom.

Ir-Randan beda l-Erbgħa, il-jum li ngħidulu Ras ir-Randan. Fil-knisja dakinhar kienu jpoġġulna l-irmied fuq rasna. Għalhekk hawn min isejjaħlu l-Erbgħa tal-Irmied. U jien kont naħseb li jgħidulu Ras ir-Randan propju għax l-irmied ipoġġuh fuq rasna. Imma wara żmien sirt naf li jissejjaħ “Ras” ir-Randan sempliċiment għax huwa l-ewwel jum ta’ dan iż-żmien.

Ma kinux ipoġġulna rmied tas-sigaretti. Id-dar missieri biss kien ipejjep. Jien kont għadni żgħir u kont għadni ma bdejtx dak il-vizzju misħut li issa ili li qtajt. U l-uniku rmied li kont nara matul is-sena kien fl-ashtray ta’ missieri. Imma fl-Erbgħa tal-Irmied kienu jpoġġulna rmied minn zkuk u weraq taż-żebbuġ maħruq.

Il-qassis kien ipoġġilna l-irmied f’forma ta’ salib waqt li jgħid “Trab kont u trab trid terġa’ ssir.” Kienet frażi li tkexkixni. Imbagħad, wara li mmorru lura f’postna, u peress li jkun poġġihulna fuq rasna, kulħadd kien jipprova jneħħi l-irmied kif jasta’ bla ma jara eżatt xi jkun neħħa. U erħilna nidħku b’xulxin u b’dak li jkun fadlilna.

Fir-Randan, minkejja li ħelu ma jiswiex, għandu l-ħelu tiegħu ukoll, bla zokkor iżda. Dan hu l-Kwareżimal li flok zokkor ikollu għasel. Jissejjaħ Kwareżimal għal Quaresima… kelma li tfisser Randan bit-Taljan, u ġejja mill-kelma quaranta, erbgħin. Naf li jkollu togħma ta’ xi ħwawar u probabbli xi bċejjeċ tal-qxur tal-larinġ. Fil-wiċċ ikollu ħafna lewż imfarrak.

Darba fiż-Żejtun kont rajt anki speċi ta’ pastarjali f’forma ta’ ikel tar-Randan, forma ta’ żebbuġ, ġbejniet tal-bżar, kappar u bżar aħmar impoġġija ġo żinġla żgħira. Tal-ħanut kien qalli li dawk jixtruhom biex jagħtuhom rigal lil sorijiet jew qassisin. Imma issa ili ma nara minnhom. Min jaf x’kienu jissejħu?

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN