Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ir-Razzett

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ir-razzett huwa l-kwartier ewlieni tal-bidwi. Probabbli li bdiewa li kien ikollhom ħafna raba’ ma kinitx isservihom biżżejjed il-girna u kienu jeħtieġu binja akbar. Huwa maħsub li r-razzett Malti għandu oriġini Għarbija minħabba li s-saqaf tiegħu huwa ċatt u l-ismijiet tal-kmamar tiegħu għandhom għerq semitiku.

Minħabba l-biża’ mill-ħbit tal-furbani, l-irziezet kienu mibnija b’ġebel oħxon u qfil tajjeb, bi twieqi żgħar, fil-għoli u ħafna drabi bla ħġieġ, filwaqt li kien ikun hemm biss bieb wieħed u b’saħħtu.

Minbarra li kien joffri l-kenn, ir-razzett kien addattat għall-klima Maltija billi l-istruttura tiegħu kienet iżżomm il-frisk fis-sajf u s-sħana fix-xitwa. Is-saqaf kien ikun ċatt biex jgħin jinġabar l-ilma tax-xita, jgħaddi mill-miżieb, u jispiċċa fil-ġiebja jew bir. L-art kienet tkun taċ-ċangatura midluka biż-żejt tal-kittien. L-irziezet kienu msaqqfa bi ħnejjiet jew travi tal-injam u xorok fis-sular ta’ isfel. Minbarra x-xorok, fis-sular ta’ fuq kienu jintużaw biss travi tal-injam minflok ħnejjiet biex ma jkunx hemm toqol wisq.

Il-binja tar-razzett kienet issir direttament fuq il-blat li f’pajjiżna mhux normalment ikun bogħod wisq minn wiċċ il-ħamrija. Kienu jkunu mibnija b’bitħa mdaqqsa fin-nofs bil-kmamar madwarha, ħafna drabi jinfdu minn waħda għall-oħra. Għalkemm il-kobor u t-taqsim kien ivarja minn razzett għall-ieħor, din l-istruttura ta’ kmamar mibnija madwar bitħa baqgħet ma nbidlitx matul l-aħħar 200 sena u 300 sena.

Fil-bitħa l-bidwi kien jarma u jżarma l-bhima u l-karrettun filwaqt li hemm martu kienet issajjar u taħsel il-ħwejjeġ. Minbarra li l-bitħa kienet toffri lqugħ mir-riħ, kienet tkun kennija wkoll mix-xemx permezz ta’ xi dielja ssaqqaf parti minnha.

Il-kmamar ta’ isfel kienu magħmula għall-annimali bħalma huma mogħoż, baqar, majjali, xi ħmar, bagħal jew żiemel. Dawn kienu magħrufa bħala mqawel. F’kull maqjel kont issib ukoll l-imxatar mibnija fil-ġebel minn fejn jieklu l-annimali. Kamra oħra iżgħar fis-sular ta’ isfel kienet tissejjaħ il-kamra tat-tiben, ferm iżgħar mill-kmamar l-oħrajn, fejn il-bidwi kien jaħżen l-għalf għall-istess annimali.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN