Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Ir-Regatta

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Hija tradizzjoni kbira speċjalment għal dawk li joqgħodu madwar il-Port il-Kbir. Fl-imgħoddi kien ikun hemm folol kbar fuq kull naħa tal-Port bil-kuluri differenti isegwu dan l-isport u jagħtu l-appoġġ lill-benjamini tad-distrett tagħhom filwaqt li jinku lill-“ġirien” kompetituri.

Ħadd ma jaf eżatt meta bdiet ir-regatta fil-Port il-Kbir. Huwa maħsub li anki sekli ilu kienet issir xi forma ta’ regatta tixbaħ lil dik ta’ Venezja bejn dgħajjes differenti. Iżda jidher li kien fis-seklu li għadda li bdiet it-tradizzjoni ta’ tlielaq organizzati bejn id-distretti.

Dan l-isport tradizzjonali beda jsir b’mod professjonali wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Infatti bdiet issir fil-Vitorja, il-jum meta ntemmet dik il-gwerra, kif ukoll l-istess jum meta ntrebaħ ukoll l-Assedju l-Kbir. Id-distretti tal-Port il-Kbir huma Bormla bl-abjad u ċelesti, l-Isla bl-isfar u l-aħmar, il-Birgu bl-aħmar, il-Kalkara bl-aħdar u l-Marsa bil-blu u l-aħmar. Minn barra l-port jieħdu sehem ukoll Marsamxett bl-isfar u blu. Kien hemm żmien meta kienet tieħu sehem dgħajsa sewda tirrappreżenta lil Raħal Ġdid, u maż-żmien ħadu sehem ukoll Marsaxlokk u Birżebbuġa li għadhom jieħdu sehem sa llum.

Minħabba li l-ponta tal-Isla u Sant Anġlu jagħtu direttament għal fuq il-kanal fejn itellqu d-dgħajjes, il-partitarji Sengleani u tal-Birgu iżejnuhom bil-kuluri tagħhom. Min-naħa l-oħra ħafna aktar nies kienu jsegwu minn ħdejn id-dwana fil-Belt Valletta.

Jieħdu sehem dgħajjes, kajjikki u frejgatini b’numri differenti ta’ qaddiefa. L-ewwel tliet ikklassifikati f’kull tellieqa jingħataw palju. Min imbagħad itella’ l-aktar punti jieħu x-shield.

Mill-1979, f’Jum il-Ħelsien, bdiet issir regatta oħra u allura saret shield oħra bix-xbieha tal-monument li jfakkar il-ġrajja meta telqu l-Ingliżi. Fil-bidu dir-regatta bejn l-istess distretti bdiet issir fid-daħla bejn il-bliet tal-Kottonera, iżda meta saret il-marina tal-Birgu bil-jottijiet, bdiet issir fejn issir ta’ Settembru fil-Port il-Kbir.

Illum m’għadhomx jattendu folol kbar għaż-żewġ regatti imma ma naqas xejn l-akkaniżmu bejn il-partitarji speċjalment bejn il-bliet tal-Kottonera. Ma naqasx lanqas il-professjonaliżmu fost il-qaddiefa li jippreparaw minn xhur qabel għall-appuntamenti sportivi tagħhom fil-port.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN