Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ir-Remissa u l-Mandra

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fil-kampanja ta’ Malta u Għawdex naraw ħafna rziezet. Dawn l-irziezet ma nbnewx bl-addoċċ, imma wara ħafna snin ta’ esperjenza mill-bdiewa u missirijiethom biex il-binja tar-razzett tkun b’tali mod li taqdi bl-aħjar mod u fl-iktar mod komdu lill-bidwi fix-xogħol u l-ħajja tiegħu u ta’ familtu.

Ħafna jinnutaw li l-bieb prinċipali tar-razzett ikun iktar wiesa’ mill-bibien li mdorrijin ikollna fid-dar tagħna. Dan jgħidulu bieb ta’ remissa. Ir-remissa hija l-kamra fuq barra tar-razzett. Kienet tintuża l-aktar biex fiha l-bidwi jżomm il-karrettun u l-għodod tal-agrikultura bħalma huma l-minġel, il-moħriet, ir-ronka u l-imgħażqa. Naturalment ir-raġuni għall-wisa’ tal-bieb hija biex ikun jista’ jgħaddi l-karrettun.

Fin-naħa ta’ wara tar-razzett kont issib il-mandra, li kienet bitħa fejn il-bidwi kien irabbi tiġieġ, papri, ħosien, wiżż u tjur oħrajn. Hawn kont issib imħawla xi siġar taċ-ċitru bħal xi lumija li dejjem bżonnjuża fid-dar. Kienu jiżirgħu ukoll xi dielja biex minbarra li tagħti l-għeneb, tagħti wkoll id-dell fix-xhur tas-sajf u l-frisk lis-sular t’isfel. Hawn kienu anki jkollhom xi mixtla bil-karfus u t-tursin għall-borma.

F’livell ‘l isfel mill-pjan terran, xi rziezet kien ikollhom ukoll kantina mħaffra fil-blat fejn kont issib il-ħaġra tad-dħin u mitħna għall-għasir taż-żebbuġ. Fil-kantina kienu jaħżnu wkoll l-inbid biex fit-temperatura friska ma jiġrilu ebda ħsara u jservi aktar fit-tul, u allura jitjieb.

Ċerti rziezet antiki kienu oriġinarjament mibnija b’sular wieħed. Għalhekk dan jista’ jfisser li dawk l-irziezet partikolari ma kinux intenzjonati għall-abitazzjoni. Li hu żgur hu li, matul il-medda tas-snin, ir-razzett dejjem ta kenn u sigurta` lill-bidwi Malti filwaqt li qdielu l-ħtiġiet soċjali u ekonomiċi tiegħu.

Illum issib ħafna rziezet li qegħdin ikunu mibdula fi djar ta’ lussu u jiswew ħafna flus. Il-valur ta’ razzett għola ħafna u f’Għawdex dawn l-hekk imsejħa converted farmhouses huma mfittxija ferm mill-Maltin u t-turisti li jkunu għall-btajjel tagħhom f’dik il-gżira.

Ħasra jekk ma jibqax irziezet li fihom isir ix-xogħol oriġinali tal-agrikultura.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN