Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ir-Repubblika

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Malta saret Repubblika fit-13 ta’ Diċembru 1974. Niftakar kienet ġurnata ta’ kesħa, xita u maltemp. It-trasmissjoni fuq ir-radju, dejjem mixgħul fil-kċina, waqfet mill-programmi tas-soltu u xandret dak li kien qiegħed jiġri fil-Parlament. Malta ma baqgħetx aktar bir-Reġina Eliżabetta tar-Renju Unit bħala l-Kap ta’ Stat tagħna imma minn dakinhar kellna Malti li bdejna nsejħulu President.

Sir Anthony Mamo kien ilu 3 snin Gvernatur Ġenerali, jiġifieri jirrappreżenta lir-Reġina f’Malta. Imma minn dakinhar sar President li ma jirrappreżenta lil ħadd ħlief lill-poplu Malti. Ma bqajniex aktar taħt Kap ta’ Stat monarka fejn familja waħda jibqa’ jkollha l-kariga ta’ Kap ta’ Stat jintiret fl-istess familja, imma l-President issa kien jinħatar kull 5 snin mir-rappreżentanti tal-poplu fil-Kamra tad-Deputati.

Il-kelma Repubblika ġejja minn żewġ kelmiet bil-Latin; Res Publica li jfissru xi ħaġa tal-poplu. Bejn wieħed u ieħor xi nofs seklu qabel Kristu r-Rumani tal-qedem waqqfu Repubblika wara r-rebħa fuq il-ħakkiema Etruski. Kienu ddeċidew li wara r-rebħa fuq il-ħakma, iċ-ċittadini kellhom id-dritt jiddeċiedu huma min ikunu r-rappreżentanti tagħhom fit-tmexxija. Anki l-Griegi antiki fl-istess żmien wettqu bidla simili u minn Ateni ħarġet il-kelma demokrazija, li bil-Grieg tfisser tmexxija tal-poplu.

L-eqdem repubblika li għadha teżisti sa llum fid-dinja hija dik ta’ San Marino. Twaqqfet fis-sena 301 wara Kristu u rnexxielha tibqa’ għaddejja anki meta l-istati kollha ta’ madwarha bdew jingħaqdu biex iffurmaw l-Italja żewġ sekli ilu. Tant żammew sod biex ma jsirux parti mill-Italja, li f’pajjiż f’forma ta’ żarbuna, it-Taljani jsejħu lil San Marino bħala ċ-ċagħqa fiż-żarbuna.

Mill-ġrajja fl-istorja ta’ pajjiżna fl-1974 sa llum, Malta kellha President wara l-ieħor ġejjin minn oqsma, professjonijiet u inħawi differenti tal-gżejjer tagħna. Għalkemm il-President ftit għandu poteri, kważi xejn, huwa Kap ta’ Stat li jżomm il-bilanċ u jirrappreżenta lill-pajjiż sħiħ. Huwa jħares lil dawk li forsi l-eżekuttiv politiku ma jilħaqhomx u jirrappreżenta lill-poplu kollu quddiem statisti barranin.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN