Radju Kafé
Kurżitajiet

Is-Sacra Infermeria

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-kelma Taljana infermeria tfisser post għal dawk b’nuqqas ta’ saħħa. Infermità tfisser meta bniedem ma jkunx fl-aqwa tiegħu, taħt xi kundizzjoni jew marda. U allura infermeria ifisser sptar jew klinika. Infatti l-kelma infermier minn hemm ġejja.

Il-bini li llum nafuh bħala Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, kien magħruf fi żmien il-Kavallieri bħala is-Sacra Infermeria. Dan il-bini nbena bħala sptar fi tmiem is-seklu sittax, mill-Gran Mastru Jean de la Cassiere.

Iż-żewġ swali twal fuq xulxin hekk kif tidħol f’dan il-bini maestuż għandhom tul ta’ 155 metru u meta nbnew kienu l-ikbar swali fl-Ewropa. Kien l-isptar ewlieni tal-Kavallieri u kien jakkomoda aktar minn 900 pazjent. Is-Sacra Infermeria damet isservi bħala sptar għal kważi tliet sekli sħaħ.

Kien hemm xi żmien meta parti minn din il-binja kienet tintuża bħala kwartieri tal-Pulizija. Iżda kif faqqgħet l-aħħar gwerra sar impossibbli li l-forzi tal-ordni jaħdmu minn binja tant qrib il-port, u allura tant qrib l-attakki tal-għadu. Anki x-xandir f’Malta kien isir fil-bidu tiegħu minn din il-binja permezz tal-kumpanija Rediffusion.

Kien imbagħad fl-1950 meta l-binja bdiet tintuża bħala teatru għat-tfal u għal xi żmien is-sala t-twila serviet bħala skola u sala tal-eżamijiet.
Fl-1979, il-Gvern ried jibdel il-binja f’kumpless għall-konferenzi. Mhux biss ġew restawrati l-partijiet kollha tal-binja biex il-post żamm il-karattru storiku tiegħu, iżda sar fih tibdil skont ma jitlobu l-ħtiġijiet moderni tal-konferenzi internazzjonali, dejjem b’rispett lejn l-arkitettonika ta’ żmien il-Kavallieri.

Fost oħrajn, issaqqfet il-bitħa l-kbira f’nofs il-kumpless u fiha saret is-Sala tar-Repubblika, l-ikbar sala f’pajjiżna. Il-mod eċċezzjonali li bih sar ir-restawr rebaħ l-unur prestiġġjuż Europa Nostra.

Fl-1987, Dar il-Mediterran kienet il-vittma ta’ nar kbir u ġarrbet ħsarat estensivi. Iżda l-post kien irranġat u llum għadna ngawdu spettakli uniċi f’dan il-post uniku. Fih isiru serati kbar, kunċerti, konferenzi, fieri u ħafna attivitajiet f’post fejn qabel kien mitluq, u maż-żmien sar ċentru tal-kultura, monument nazzjonali; Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN