Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Is-Salib tal-Għolja

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Jidher minn kważi kullimkien f’Malta. Għalkemm mhux fuq l-aktar post għoli tal-gżira, jinstab fuq l-aktar
għolja li tidher minn inħawi differenti… u flimkien mal-koppla tal-Katidral tal-Imdina jindika l-istorja u r-rabta ta’ pajjiżna mat-twemmin Nisrani.

Salib… salib fuq għolja, tistħajlu l-Golgota, imma mhux. Kien twaqqaf fil-bidu tas-seklu għoxrin għall-okkażjoni tas-Sena Mqaddsa. Twaqqaf fuq idea ta’ Dun Pawl LaFerla u għalhekk hawn min isejjaħlu s-Salib ta’ LaFerla. Tarah mill-bogħid tara biss salib fuq ir-riħ tas-Siġġiewi. Imma jekk tmur ħdejh issib li huwa aktar minn hekk. Il-pedestall tiegħu huwa fil-fatt kamra mibnija bil-ġebla tal-franka, speċi ta’
kappella żgħira għax anki artal hemm fiha. Hemm ukoll fiha pitturi fosthom waħda tal-Madonna tad-Duluri.

U m’inix ngħid għall-kappella tal-Lunzjata li tinsab ftit metri ’l hinn. Is-salib fuq il-quċċata ġie wkoll jikkumplimenta numru ta’ statwi tal-ġebel li hemm tul it-telgħa wieqfa li titlaq mis-Siġġiewi. Huma statwi li juru waqtiet differenti mill-ġrajja tal-passjoni ta’ Kristu. Jingħad li r-
raħal tas-Siġġiewi kien qiegħed jippjana li jkollu vari għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, imma minħabba li ma kellhomx biżżejjed biex jagħmlu sett sħiħ, minflok għamlu ftit minnhom, tal-ġebel matul it-triq lejn l-għolja… taħt il-għolja tas-salib.

Is-salib li naraw illum mhux dak oriġinali. Dak li twaqqqaf għall-ewwel darba aktar minn seklu ilu kien inbidel fis-snin sittin minn wieħed maħdum l-Italja tal-ħadid u l-bronż. Il-post fejn qiegħed huwa espost għal kull element possibbli; riħ, xita, xemx, kesħa, sħana u dak kollu li jġibu magħhom. U allura jekk ma tiħux ħsiebu, malajr jispiċċa fix-xejn u jaqa’ minn hemm fuq. Barra minn hekk kien inħass li salib solidu
huwa aktar faċli ssirlu ħsara mir-riħ qawwi.

Għalhekk kien inbidel u sar salib inqas solidu… b’ħafna spazji vojta tul il-lasta l-wieqfa u dik mimduda biex minn ġo fihom ikun jista’ jgħaddi r-riħ mingħajr ma jagħmel forza fuq l-istruttura.

Waħda mill-isbaħ xeni tal-Ġimgħa Mqaddsa f’pajjiżna huwa meta kull nhar Ħamis ix-Xirka, l-għolja  tinxtgħel b’ħafna fjakkoli mal-lejl u ħafna nies jitilgħu taħt is-salib.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN