Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Is-Salib

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-forma tas-salib drajniha. Ħafna djar, speċjalment fl-imgħoddi kien ikollhom xi salib imdendel xi mkien u fl-iskejjel kollha niftakru salib f’kul klassi. Kien hemm żmien kien anki moda jintlibes, u mhux mir-reliġjużi biss. Kien hawn min jilbsu mdendel m’għonqu jew anki misluta waħda b’salib irqiq imdendel.

Imma għal-Lhud ma kienx tiżjin. Kien ifisser għalihom bħalma l-giljottina fissret għall-Franċiżi u bħalma s-siġġu tal-elettriku fisser għal ċerti stati fl-Amerika. Kien ifisser mewt… u mewt għal-Lhud biss. Ir-Rumani li kienu jaħkmu l-Lhudija fi żmien Kristu setgħu jikkundannaw bniedem għat-tislib jekk ikun Lhudi biss.

Jekk ikun Ruman ma setgħux… infatti għalhekk lil San Pawl tawh mewt mod ieħor. Kien il-forka ta’ żmien Kristu… il-mistħija fost il-poplu. U n-nies kienu jmorru jaraw dak l-ispettaklu meta jsallbu lil xi ħadd. F’pajjiżna din kienet issir ukoll. Jingħad li meta xi ħadd kien jingħata l-forka, kienu jmorru ħafna nies biex isegwu x-show… qishom marru jaraw xi logħba futbol, jew marru t-teatru jaraw farsa.

L-irġiel ma kinux jaħdmu u n-nisa ma jagħmlux faċendi biex imorru mat-tfal jaraw l-akbar ġrajja ta’ dak il-jum. U jieħdu sehem billi jgħajru u jżebilħu lill-akkużat għal dak li l-ġustizzja sabitu ħati li wettaq. Immaġina l-bniedem ikkundannat, minbarra li se jara l-mewt bi tbatija, jkollu lill-poplu kontrih bla ħniena, tkun xi tkun l-akkuża.

Kristu ma ngħatax is-salib għax kien qatel jew seraq. Lil Kristu riedu jeħilsu minnu. Kieku qatluh inkiss inkiss f’xi lejl kien hemm il-possibiltà li jinqabdu u jeħlu l-mewt huma wkoll. Allura ġabu skuża biex joqtluh b’mod legali… bit-tislib. Tant ma sabux fuq xiex jixluh li anki fuq rasu, fin-naħa ta’ fuq tas-salib, ma kitbulux xi akkuża biex juru kif kiser il-liġi, imma kitbu li hu Sultan tal-Lhud u interpretawha b’mod sarkastiku.

Fil-ħajja kulħadd għandu s-salib tiegħu. Mhux dak li jintlibes ma’ xi misluta jew xi ġiżirana. Kulħadd għandu xi salib, toqol fil-ħajja, dak li jkollna nġorruh magħna kullimkien…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN