Radju Kafé
Kurżitajiet

Is-Salvatur

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-jum tas-6 t’Awwissu dejjem niftakru bħala jum is-Salvatur. U bilfors kont ninduna għaliex minkejja li l-jum kien jiġi f’nofs il-ġimgħa, kemm lejlet il-jum kif ukoll nharu, kif titla’ fuq il-bejt tara murtali mill-isbaħ kif jafu jagħmlu d-dilettanti ta’ Ħal-Lija. Anzi ippermettuli ngħidilhom professjonali, aktar milli dilettanti, imma kulħadd hekk jafhom lil dawk li jaħdmu n-nar.

Mhux kulħadd xi darba mar il-festa tat-Trasfigurazzjoni, magħrufa bħala tas-Salvatur f’Ħal-Lija, imma żgur li kulħadd, xi darba jew oħra, mill-bogħod jew qrib, ra n-nar li jagħmlu. Jgħidu li huma l-aqwa f’Malta u ġieli rebħu konkorsi internazzjonali wkoll. Imma żgur li l-wirja tan-nar hija popolari għaliex lejlet is-Salvatur, fit-toroq li jagħtu għall-għelieqi minn fejn jaħarqu, ikun hemm kwantità ta’ nies biex isegwu l-ħarqa, inkluż privates sħaħ bit-turisti.

F’Għawdex ukoll jagħmlu festa lis-Salvatur. Jagħmluha fl-Għasri f’Ġunju. Imma l-aktar Salvatur magħruf f’Għawdex jinsab int u nieżel lejn Marsalforn. U festa, sa fejn naf jien, ma jagħmlulux.

Huwa statwa kbira, aktar minn 300 pied ’il fuq minn wiċċ il-baħar fuq il-Għolja tal-Merżuq. L-istatwa għandha tul ta’ 6 metri u l-ftuħ tad-dirgħajn fihom wisa’ ta’ 6 metri wkoll. Maż-żmien l-isem tal-għolja nbidel ukoll għax illum in-nies saru jafuha bħala l-Għolja tas-Salvatur. L-għolja hija kollha kemm hi agrikola u l-persuna ta’ Kristu tħares fuq il-bajja ta’ Marsalforn, b’xebħ kif statwa simili tħares fuq Rio de Janiero fil-Brażil.

L-istatwa li naraw illum ma kinitx l-ewwel waħda fil-post. Ta’ qabilha ġarrbet ħsarat minħabba l-elementi li jaħkmu f’post miftuħ bħal dak. Allura, li hemm illum hija miksija bil-fibreglass biex tħarisha mit-temp.

Hija statwa li kull min imur Għawdex u jersaq qrib Marsalforn żgur jinnutaha. Imma xi ħaġa li ftit jafu dwarha hi li din l-istatwa nħadmet mill-artist u għalliem Karmenu Grech. Lejn tmiem is-snin sebgħin, biex dan Karmenu jimmudella xogħlu, kien qabbad lin-neputi tiegħu Mario, tifel tal-iskola, biex jippużalu.

Maż-żmien, dan in-neputi kiber u llum ma huwa ħadd ħlief l-Isqof t’Għawdex innifsu, Mario Grech.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN