Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Is-Sapuna taċ-Ċavetta

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Niftakar qisu l-bieraħ. Ommi toħroġ banju taż-żingu fil-bitħa, tpoġġieh fuq siġġu antik miżbugħ abjad u aħmar, intellgħu ħafna bramel ta’ ilma frisk mill-bir, nitfgħuh fil-banju u tibda l-ħasla. Anzi le. Il-ħasla kienet tibda qabel bil-ħwejjeġ bojod. Dawn kieneu jingħataw trattament aqwa mill-oħrajn għax jitgħallew. Kienet timla kaldarun bl-ilma, tpoġġih fuq trepied li f’nofsu jkun hemm l-ispiritiera tal-pitrolju tal-Primus. Kienet tixgħel l-ispiritiera bl-ispirtu vjola, titfa s-soder jew it-trab tal-ħasil fl-ilma u tħalli l-ħwejjeġ jitgħallew biex jerġgħu jiġu bojod karti daqs kieku ġodda. U bilħaqq, biex żgur jiġu bojod kienet titfa’ biċċa bluna, forma ta’ kaxxa ta’ materjal blu mgeżwer ġo karta biex jagħti l-bjuda aktar mill-kulur abjad innifsu.

Wara li jitgħallew. Il-bojod kienu jispiċċaw bil-banju taż-żingu biex jinħaslu bħall-ħwejjeġ l-oħrajn, imma dejjem għalihom. Dejjem kienet tgħidli; “Il-bojod ma nħalltuhomx mal-oħrajn, għax il-kulur jerħi!”

Dan ir-ritwal bil-bojod ifakkarni wkoll meta oħti l-kbira kellha l-ewwel tarbija. Dak iż-żmien nappies li tużahom u tarmihom ma kinux jeżistu u allura l-ħrieqi bojod tax-xugaman kienu jitnaddfu kif jistgħu u jitgħallew biex jiġu bojod u jintużaw mill-ġdid.

Il-ħasla fil-banju taż-żingu kien isir bis-sapuna taċ-ċavetta. Kienet sapuna kannella jew ħadra u konna nixtruha mingħand tal-merċa. Kien ikun fiha forma ta’ ċavetta jew muftieħ fuq naħa minnhom u għalhekk konna nsejħulha hekk. Ommi kienet tgħaddi ħafna ħin togħrok bis-sapuna fuq idejha. Mhux ta’ b’xejn li darba kellha bżonn operazzjoni. Aktar qabli, meta n-nies kienu jaħslu f’xi għajn pubblika, kienu jogħrku l-ħwejjeġ fuq xi blata ċatta, speċjalment biex inaddfu l-għenuq u l-taħt il-kmiem.

Imbagaħad ħalli għalina nitilgħu fuq il-bejt nonxru, dejjem irrid ngħinha, u kultant tgħidli; “Dak mhux hekk nonxruh… inxartu bil-maqlub”.

Kellna kelb, Scruffy, li konna naħsluh ukoll bis-sapuna taċ-ċavetta, u ġieli bis-Surf ukoll… u minkejja li bluna qatt ma użanja fuqu, għax naħseb kienet tweġġgħu bil-kimika, kien jiġi abjad silġ aktar mill-bjuda tiegħu stess.

Illum insejna s-sapuna taċ-ċavetta, il-bluna, is-soder… illum kollox bil-gel u kollox bil-magna u l-ħwejjeġ isiru waħedhom.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN