Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Is-Sinjura l-Griża

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Hemm ħafna stejjer iduru ma’ kull binja antika. B’mod speċjali binjiet li jkunu għaddew minn xi passat imqanqal issibilhom anki stejjer marbutin mas-sopranaturali.

Bla dubju l-Forti Sant Anġlu kellu storja twila ta’ sekli twal taħt diversi ħakmiet. U hemmhekk jirrakkuntaw l-istorja tas-Sinjura l-Griża. Jingħad li din is-Sinjura kienet tidher madwar il-forti liebsa libsa u kappel ta’ kulur griż… u għalhekk isejħulha s-Sinjura l-Griża.

L-istorja toħodna lura, qabel il-miġja tal-Kavallieri, meta Malta kienet taħt idejn l-Aragoniżi. Lejn nofs is-seklu ħmistax, Sant’Anġlu kien immexxi minn Giovanni di Nava fi żmien meta Sant’Anġlu kien magħruf bħala Castello di Malta. Infatti l-binja ma kienet xejn bħalma hi llum. Kien hemm biss kastell fuq l-għolja f’tarf l-art.

Dan Giovanni kien miżżewweġ waħda nobbli, iżda kellu ħabiba wkoll, bil-moħbi. Din il-ħabiba riedet tkun stmata daqs li kienet hi mart il-Kastellan. Imma Giovanni ma riedx minkejja r-reżistenza tagħha. Huwa beża’ li din l-affari sigrieta tiegħu setgħet toħroġ fil-pubbliku u dak kien ikun diżunur kbir għall-kariga tiegħu. Għalhekk iddeċieda li jqabbad żewġ gwardji minn tiegħu biex jeħilsuh minnha.

Dawn il-gwardji qatluha u ħbew ġisimha fis-sotterran tal-kastell. Giovanni rrabja ħafna. Huwa riedhom jeħilsuh minnha, iħarrbuha lejn xi mkien imwarrab, mhux jassassinawha. Fir-rabja tiegħu ordna li jinqatlu ż-żewġ gwardji.

Hemm verżjoni oħra tal-istorja. Hemm min jgħid li Giovanni di Nava ordna l-qtil tagħha u biex żgur ħadd ma jikxfu, qatel lill-gwardji wkoll.

Intant, jingħad li meta kien qed isir restawr tal-forti, aktar qrib lejn żmienna, fis-sotterran instabu tliet skeletri; mara u żewġ irġiel. U mal-isleketru femminili kien hemm fdal ta’ drapp griż.

Fi żmien l-Ingliżi, meta l-forti kien imsejħa HMS St Angelo, mhux l-ewwel darba li kienet tissemma preżenza ddur fuq ġewwa tal-ħitan maestużi. Dak iż-żmien il-Kaptan tal-forti kien jgħix hemm ġew mal-familja. Jgħidu li l-preżenza tal-ħabiba ta’ Nava kienet agressiva ma’ min kien jesperjenzaha. Iżda mhux mat-tfal. It-tfal kienu jsejħulha “nice lady”.

Jingħad li meta kien hemm kaptan Ingliż miżżewweġ Maltija, dil-mara ordnat rit ta’ eżorċiżmu…u s-Sinjura l-Griża ma dehret qatt aktar…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN