Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Is-Swar

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kbar, potenti, qishom dirgħajn imdawrin mal-bliet antiki tagħna, iċ-ċentri fejn kien jinġabar il-poplu biex jipproteġi lilu u lil familtu kontra l-qilla tal-furbani. Huma ħitan kbar u wesgħin li jilqgħu lil kull min jazzarda jersaq lejn blietna bi skop malinn. L-Imdina, il-Belt Valletta, il-bliet tal-Kottonera u ċ-Ċittadella Għawdxija mdawrin bihom u ma nimmaġinawhom qatt mingħajrhom.

Quddiemhom għandhom dejjem fondoq fond ħafna, dak li bl-Ingliż jgħidulu moat, biex id-diżlivell enormi bejn il-fondoq u s-sur tagħmilha dejjem diffiċli li tidħol fil-belt.

Is-swar ta’ pajjiżna huma partikolari. Għalkemm tarahom f’postijiet oħrajn bħal Marsilja, għandhom l-istil li kienu jibnu l-Kavallieri u Malta probabbli l-aktar post li ssib minnhom b’dan l-istil. Min jaf kemm skjavi ħadmu u forsi anki mietu taħt il-madmad tax-xogħol biex ittella’ mostri ġeblija bħal dawk. Tal-Imdina, tal-Kottonera u ta’ Għawdex huma swar mibnija bil-ġebel, imma tal-Belt Valletta huma xorta oħra.

Minħabba s-sura naturali tal-peniżola beltija, u minħabba l-urġenza tal-Kavallieri li jfittxu jibnu belt ġdida ffortifikata qabel jiftlilhom jerġgħu lura t-Torok għalina, ħafna mis-swar tal-belt huma mħaffrin fil-blat għoli tal-Għolja Sceberras minflok mibnija biċ-ċnagen fuq xulxin.

Hija ironika li s-swar tal-Belt Valletta saru biex jilqgħu kontra xi assedju ieħor, imma spiċċaw biex l-uniku assedju li sar fuqhom mill-art sar mill-Maltin stess. Dan ġara fi żmien l-imblokk tal-Franċiżi bejn is-snin 1798 u 1800. Dakinhar il-Maltin raw in-naħa l-oħra tal-munita u apprezzaw kemm kellhom belt li kapaċi
tilqa’ kull ħbit fuqha. Naturalment il-miġja ta’ ajruplani jitfgħu il-bombi mill-ajru fl-aħħar gwerra dinjija bidel dan kollu u naqqas mill-potenza tas-swar.

Il-Malti tant iqis is-swar bħala xi ħaġa b’saħħitha li meta xi ħadd jibda jonfoq u jżarma kulma jkollu, juża s-swar biex iġib l-eżempju. Tieħu bla ma trodd is-swar tħott, ngħidu fi lsienna.

U l-kelma swar nużawha wkoll meta l-bniedem jingħalaq fih innifsu. Meta nużaw il-frażi mentalità tas-swar, jew mentalità ta’ fortizza nfissru meta xi ħadd jibża’ jirriskja u joħroġ barra mill-fosdqa komda tiegħu u flok jimraħ fil-possibiltajiet tal-ħajja, jiddefendi biss dak li għandu.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN