Bonġu Kafé
Kurżitajiet

It-tajra

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ftit jew rari għadek tara minnhom. Meta kont żgħir kont tara ħafna rġiel imorrulek f’xi għalqa, li minnhom kien hemm aktar mil-lum, biex itajru t-tajra. Meta kien jinzerta temp sabiħ tar-rebbiegħa, speċjalment, kont tara ħafna dilettanti li kienu jimpikaw bejniethom ukoll.

Biex ittir fuq iż-żiffa ħafifa tar-rebbiegħa, tajra tkun magħmula mill-karti… u karti apposta msejjaħ karti tat-tajr. L-aktar tajra komuni kienet tkun forma ta’ djamant. Kienu jaqtgħu il-qasab, imbagħad iqaxxruh i jraqquh kemm jistgħu biex ikun ħafif kemm jista’ jkun. Kienu jorbtu żewġ qasbiet f’forma ta’ salib imbagħad iwaħħlu l-karti fuqhom bil-ħalib tal-bott jew b’taħlita ta’ dqiq u ilma.

Kont tara tajr differenti b’kuluri sbieħ u disinji u forom u daqsijiet differenti. Dawk komuni kien ikollhom denbhom ukoll. Dan kien ikun magħmul jew minn strixxi twal tal-karti f’kuluri differenti, jew minn ċrieki tal-karta mdaħħlin f’xulxin qishom katina li l-ftit toqol tiegħu iħalli lit-tajra wieqfa u dritta waqt it-titjira.

Il-kuluri kienu jitħalltu u kulħadd kien ikollu t-tajra partikolari tiegħu. Kont tara ħafna f’forma ta’ Union Jack jew tal-bandiera Taljana speċjalment fi żmien xi Tazza tad-Dinja. Imbagħad kien ikun hawn min iġib xi tajra minn barra, tad-drapp jew tal-plastik. U kif dak li jkun iniżżilha wara li jtajjarha, erħilu kulħadd idur miegħu biex jara kif inhi magħmula din it-tajra “barranija”.

Kont tara ħafna tajr u kulħadd jimpika mhux biss fis-sbuħija kkulurita tat-tajra, imma anki kemm jirnexxilhom itellgħuha fil-għoli. Niftakar ġieli anki konna “nibgħatulha ittra” lit-tajra hi u ttir. Fl-ispaga twila li t-tajra tkun imwaħħla magħha, konna ndaħħlu ċriku żgħir tal-karti u maż-żiffa jibda tiela’ tiela ’l fuq sakemm jilħaq lit-tajra nnifisha fuq nett.

Jingħad li t-tajra oriġinat mill-Asja, u ħafna jaħsbu li bdiet miċ-Ċina. Imma f’Malta kienet popolari ħafna. U kif lejn April kienet toħroġ xi ġurnata galbu, kien joħroġ xi ħadd itajjar it-tajra tiegħu u jibda ħiereġ kulħadd jagħmel l-istess u b’hekk ikun beda l-istaġun tat-tajr li mbagħad jibqa’ għaddej tul is-sajf kollu.

It-tajra hawn min isejħilha wkoll ħamiema jew fjamma, imma partikolarment fiż-Żejtun isejħulha manuċċa. Jgħidu li l-kelma manuċċa ġejja mit-Taljan “mano uccello”, jiġifieri għasfur tal-id. Dan jista’ jkun minħabba l-għadd kbir ta’ Sqallin li kienu joqgħodu ż-Żejtun. Infatti wieħed mill-irħula żgħar li flimkien ħolqu r-raħal taż-Żejtun kien jismu BiSqallin. Il-mibki Lino Psaila taż-Żejtun kien sinonimu mal-manuċċa, minbarra mal-baħar u ħwejjeġ oħra. Ammirabbli kemm dar-raġel kien jipprova li s-sengħa u l-ħajra għall-manuċċa, jew it-tajra, ma tmutx.

Jien ukoll kelli t-tajra meta kont tifel. Kont inżommha fil-kamra tal-bejt. Niftakar l-ewwel waħda li għamilt, u tant kont anzjuż li nfittex naraha ttir li tlajt niġri ntajjarha fuq il-bejt… u malajr tqattgħetli għax bdiet teħel mal-aerials tat-televixin li dak iż-żmien il-bjut kienu miżgħudin bihom. Imma malajr erġajt għamilt oħra…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN