Bonġu Kafé
Kurżitajiet

It-Tarzna

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kienet waħda mill-akbar industriji fuq artna. Qdiet l-interessi ta’ kull min mexxa lil pajjiżna, skont l-oenda tiegħu. Tat l-għajxien li ħafna u ħafna familji. Ħalliet il-marka tagħha fuq il-Kottonera u r-residenti t’hemmhekk. Matul iż-żmien tatna aħbarijiet differenti; daqqa ta’ natura ekonomika, daqqa ta’ relazzjonijiet industrijali u kultant anki oħrajn traġiċi.

L-akbar saħħa tal-Kavallieri dejjem kienet il-flotta. La kienu sabu refuġju fuq Malta, art mogħnija b’portijiet u lqugħ għall-iġfna, riedu li jkollhom fejn isewwu l-bastimenti tagħhom. U l-aktar post li sabu tajjeb għal dan il-għan kien fil-kenn bejn it-tlett ibliet tal-Kottonera. Naturalment dak iż-żmien kienet tarzna ta’ opri tal-baħar magħmulin mill-injam.

Kif ġew l-Ingliżi, baħħara minn ġuf ommhom, indunaw bl-opportunita kbira li bogħod minn pajjiżhom ikollhom fejn isewwu l-vapuri tagħhom. Anzi mhux hekk biss, kienu ħolqu bażi għall-Mediterran. Huma kabbru t-tarzna u f’Malta kellhom l-ewwel dry dock barra mir-Renju Unit. Bnew għadd ta’ workshops kbar mgħammra bl-aktar għodda moderna. Riedu aktar docks u allura estendewha anki għad-daħla ta’ Għajn Dwieli. B’kollox għamlu 5 docks.

Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, minħabba li Malta ma ntlaqtitx direttament, it-tarzna f’Malta sewwiet ħafna vapuri mġarrfa bil-gwerra, biex malajr reġgħu marru jaqdu dmirhom. Imma fit-Tieni Gwerra l-istorja kienet mod ieħor. Malta ntlaqtet direttament u l-attakki ġew fuq artna wkoll. Allura t-Tarzna kienet mira ewlenija tal-għadu biex il-vapuri Ingliżi jdumu ma jerġgħu joħorġu lura fl-azzjoni.

Maż-żmien it-Tarzna ma baqgħetx għall-vapuri tal-gwerra biss. Kien hemm żmien meta kienet tal-istat u żmien ieħor tal-privat. Ħafna battibekki għad-drittijiet industrijali bdew mit-tarzna. Għax hemmhekk kienu jaħdmu numru kbir ta’ ħaddiema. Ġieli kien hemm 12,000 jaħdmu hemm, u dan kien ifisser l-għajxien ta’ ħafna u ħafna familji.

Fit-Tarzna hemm ħafna xogħol perikoluż. B’xorti ħażina, ġraw ħafna inċidenti, ġieli anki fatali. L-aktar wieħed imsemmi huwa fil-lejl tat-3 ta’ Frar 1995 meta seħħet splużjoni fuq it-tanker Libjan Um El Faroud f’Dock numru 3, taħt l-Isla. Dakinhar mietu 9 ħaddiema… bkewhom hux biss id-9 familji, imma l-poplu kollu.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN