Radju Kafé
Kurżitajiet

It-Te fit-Tazza

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

It-te ma tantx inħobbu, bħall-kafè. Imma tgħiduli xejn it-te fit-tazza nogħxa nixorbu. Nippreferih bil-lumi milli bil-ħalib u ma nafx x’differenza tagħmel it-tazza imma t-togħma togħġobni aktar. Anki bi lsienna stess ngħidu “kikkra te”, imma jien nippreferi “tazza te”… għax għalija itjeb.

Forsi nippreferiha fit-tazza għax iġġibli ħafna memorji ta’ meta kont tifel noħroġ ma’ missieri. Kien ikun irid jixtri pakkett sigarretti Bristol u konna nidħlu f’xi bar mimli rġiel biex jixtri. U l-aktar ħoss komuni hemm ġew kien dejjem ikun il-kuċċarina ċċekċek mal-ħġieġ fraġli ta’ xi tazza hu u jitħawwad it-te. Kien ikun te magħmul bla teabags, dirett bil-weraq tat-te ġo passatur żgħir. U l-biċċa l-kbira t-tazzi bit-te kienu jinġarru għal fuq l-imwejjed jew anki barra mill-bar ġo gabarrè antik tal-injam skur li min jaf kemm tunellati ta’ te ġarr matul l-eżistenza tiegħu.

U tazza te tiġik itjeb ma’ xi żewġ pastizzi. Kien ikun hemm kaxxa qisha tal-landa fil-bieb tal-bar b’xi spiritiera mixgħula taħtha biex iżżomm il-pastizzi sħan fiha. U kif tal-ħanut kien jiftaħ il-bieba ta’ din il-kaxxa kienet toħroġ ġenna ta’ riħa tfuħ u tkun iblah jekk ma tgħidlux inewwillek tnejn ġo plattina fuq il-mejda.

Id-diskors tal-irġiel fuq l-imwejjed waqt tazza te u żewġ pastizzi qatt ma kien jonqos. Bil-gazzetti tal-ġurnata jiġru fuq l-imwejjed, dejjem kienu jitkellmu fuq l-aħbarijiet tal-jum, qishom l-analiżi tal-ġurnali li llum inxandru fuq ir-radju. U tisma’ ħafna opinjonijiet li jaqblu jew ma jaqblux… u meta d-diskors fuq l-aħbarijiet jieqfu, jibda d-diskors fuq il-futbol, it-tiġrijiet taż-żwiemel jew fuq il-karozzi. U l-istess, issib min jaqbel u min m ajaqbilx. Imma fuq ħaġa waħda dejjem kienu jaqblu… li waqt dak id-diskors ma hemmx itjeb minn tazza te fit-tazza u xi żewġ pastizzi.

U bilħaqq, ġieli kien ikun hemm xi gabjetta mdendla mal-ħajt b’xi għasfur tal-għana jipprova bit-tisfir tiegħu ilaħħaq ma’ dawk l-irġiel kollha jridu jgħidu tagħhom. Naħseb maż-żmien dak l-għasfur kien dara r-riħa tat-te u l-pastizzi aktar mill-iskalora tiegħu stess.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN