Bonġu Kafé
Kurżitajiet

It-Teatru Manoel

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kien l-ewwel teatru fil-belt Valletta u llum wieħed mill-aktar antiki fl-Ewropa. Inbena fis-seklu tmintax fuq ordni tal-Gran Mastri Antonio Manoel de Vilhena. Fil-bidu kien magħruf bħala Teatro Pubblico.

Imbagħad inbidel ismu għal Teatri Reale fis-seklu dsatax sakemm inbena t-Teatru Rjal fi Triq ir-Repubblika u beda jissejjaħ għal min bnieh… it-Teatru Manoel.

Il-Gran Mastru kien bnieh speċifikament għad-divertiment onest… minħabba xi manjieri xejn dekorużi minn xi kavallieri żgħar fl-età. Jidher li kien inbena wara li Vilhena xtara minn butu żewġ proprjetajiet u kien iddisinnjat fuq it-teatru ta’ Palermo fi Sqallija. L-ewwel rappreżentazzjoni meta nfetaħ f’Jannar tal-1732 kienet it-traġedja Merope ta’ Scipione Maffei. Dakinhar l-atturi kienu kollha Kavallieri u s-sett kien iddisinnjah il-perit tal-Ordni Francois Mondion.

Fil-bidu tat-teatru kien jinħatar Kavallier biex jieħu ħsieb it-teatru u ċ-ċensura ta’ dak kollu ppreżentat. Dan kienu jgħidulu Il Protettore. Il-ħatra tal-aħħar Gran Mastru tal-Ordni, Hompesch kienet iċċelebrata f’dan it-teatru u l-Gran Mastru beda jitfa’ l-muniti mill-gallarija lin-nies ta’ taħtu talli bdew iċapċpulu.

Fl-1861, it-teatru kien għadda f’idejn il-privat u meta beda jinbena t-Teatru Rjal , il-Manoel għamel żmien lanqas kien jintuża. Ġieli l-boxes kienu jinkrew lil nies li m’għandhomx fejn joqgħodu biex jorqdu fihom.

Imma maż-żmien beda jintuża u kien propju fit-Teatru Manoel li ndaqq għall-ewwel darba l-Innu Nazzjonali Malti ta’ Dun Karm u Robert Samut fl-1922.

Matul it-tieni gwerra dinjija, r-rappreżentazzjonijiet waqfu bħal kull attività divertenti oħra. U bħal ħafna teatri madwar id-dinja serva bħala kenn għal dawk il-Beltin li ġġarrfitilhom darhom. Meta waqa’ t-Teatru Rjal, il-Gvern iddeċieda li jieħu l-Manoel lura taħt idejh u hekk sar, biex it-teatru reġa’ lura għall-glorja li jixraqlu.

Meta l-Ammirall Ingliż iddeċieda li m’għandux aktar bżonn l-orkestra li kellu fl-1968, kienet ingħaqdet l-Orkestra tat-Teatru Manoel bil-mużiċisti li kellu l-Ammirall. Dik kienet l-ewwel orkestra Maltija u għamlet 29 sena bħala orkestra residenti tat-teatru sakemm saret Orkestra Nazzjonali.

Min jaf kemm rappreżentazzjonijiet ittellgħu fit-teatru u kemm xogħlijiet ġew ippreżentati għall-ewwel darba fil-pubbliku ġo fih.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN