Bonġu Kafè
Kurżitajiet

It-Telephone Box

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fi żmien meta mobiles ma kinux jeżistu, xorta kultant dak li jkun kien jeħtieġlu jċempel waqt li jkun barra. Kien żmien meta l-unika komunikazzjoni telefonika setgħet issir b’sistema bil-fil li llum insejħulha landline. U allura stajt iċċempel biss meta tkun id-dar, għand xi ħadd jew fuq ix-xogħol. Ngħiduha kif inhi, kienet ħajja aktar ħielsa għax ħadd ma kien isibek kull x’ħin ikun u tkun fejn tkun.

Jekk kont tkun barra u jeħtieġlek tagħmel telefonata, kien hemm it-telephone box. Naturalment dawn issibhom f’xi belt jew fejn ikun hemm kwantità ta’ nies regolarment… rari ssib minnhom fil-kampanja. Hija kamra dejqa ħafna tal-ħadid miżbugħa kulur aħmar, imdawra b’ħafna twieqi ċkejknin tal-ħġieġ minbarra fuq naħa minnhom fejn kien ikun hemm l-apparat telefoniku. Ikollha bieba waħda b’molla biex tingħalaq waħedha u ma tinstemax minn barra x’inti tgħid fuq it-telefon. Il-kamra kienet tant żgħira li tesa’ bniedem wieħed jew l-aktar tnejn. Iżda mhux aktar. Tkun taf li tesa’ tnejn meta tinzerta xi żewġ namrati ġi waħda minnhom f’xi ġurnata ksieħ…

Kont titfa’ xi munita jew tnejn, iddawwar in-numru u ċċempel. Kien hawn żmien meta jekk iddum iċċempel, jibda jdoqq ħoss biex titfa’ aktar muniti għax ikun għadda l-ħin tal-ewwel ħlas. B’xorti ħażina dawn it-telephone boxes ġieli kienu vittmi tal-vandali. Tmur iċċempel u ssib ir-receiver maqlugħ, jew kollox imkisser. Apparti li l-vandaliżmu dejjem huwa kundannabbli, f’dan il-każ il-konsegwenzi setgħu ikunu gravi speċjalment ma’ min kellu bżonn iċempel urġenti jew għal xi ħaġa importanti ħafna.

L-ewwel telephone boxes kienu dehru fl-Ingilterra fuq disinn ta’ Sir Giles Gilbert Scott fil-bidu tas-seklu għoxrin. Kien deċiż li jinżebgħu bl-aħmar biex malajr jintlemħu minn min ikun jeħtieġ iċempel malajr. Kien ikollhom il-kuruna rjali fuq il-bieba u peress li Malta kienet taħt l-Ingliżi, dawk f’pajjiżna kienu hekk ukoll.

Illum fadal ftit minnhom u l-użu tagħhom naqas drastikament. Iżda huma parti mill-istorja moderna.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN