Bonġu Kafé
Lokali

It-Telgħa t’Alla u Ommu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Tinsab bejn is-Salini u n-Naxxar. Tgħaqqad il-pjanura ta’ Burmarrad u s-Salini mar-raħal tan-Naxxar fuq l-għolja. Telgħa wieqfa li biex jitilgħuha l-vetturi kellhom jagħmluha f’forma ta’ żigżag. Ħafna jaħsbu li jsejħulha t’Alla u Ommu minħabba li hi wieqfa. Imma mhux hekk. Int u riesaq min-naħa tas-Salini fid-direzzjoni tan-Naxxar, qabel ma taqbad l-aktar parti wieqfa tara fuq ġenb tat-triq niċċa tal-ġebel bi xbieha tal-Madonna bil-Bambin ġo fiha. B’hekk it-triq ħadet l-isem ta’ Alla u Ommu. Tant hi wieqfa t-telgħa li tkun fejn tkun, jekk issib xi telgħa wieqfa, malajr tgħid li qisha t-telgħa t’Alla u Ommu, biex juri kemm hi diffiċli titlagħha.

Jekk qabel dit-triq kienet waħda dejqa biex titla’ lejn in-Naxxar fuq in-naħa ta’ wara, llum saret triq prinċipali użata ħafna minn dawk li jridu jinżlu lejn Buġibba. U minkejja li t-telgħa baqgħet wieqfa, xorta twessgħet u saret arterja għat-traffiku f’dawk l-inħawi.

Dit-triq hija marbuta ma’ ġrajjiet paranormali. U hemm aktar minn verżjoni waħda. Hemm min jgħid li hu u għaddej minn taħt il-parti l-wieqfa tat-triq fid-dlam lemaħ tfajla qisha tinħtieġ xi għajnuna. Jingħad li min waqaf jara xi trid, wara ftit ma rahiex iktar, sparixxiet. U jgħidu li kif sparixxiet mit-triq, ġieli lemħuha fuq is-seat ta’ wara fil-karozza stess mingħajr ma jkunu fetħulha l-bieba. Hemm min jgħid ukoll li jekk ma tagħtix kas u tagħfas il-gass biex tibqa’ għaddej, malajr spiċċa ħażin.

Hemm min minflok tfajla waħda jgħid li ra żewġ tfajliet żgħar jitolbu lift fl-inħawi fid-dlam. Il-bqija tal-istorja tixbaħ lill-verżjoni ta’ spirtu wieħed. Jingħad li f’dak il-post kien sar xi aċċident fejn kienu ttajru żewġ tfajliet, mietu mad-daqqa u tal-karozza baqgħu sejrin.

Hemm ukoll min isemmi storja ta’ waħda mara ta’ bniedem tas-servizz Ingliż li sejħulu għall-gwerra u baqa’ qatt ma ġie lura. Jingħad li l-mara baqgħet tfittxu fl-inħawi anki wara mewtha. Imma din l-istorja jgħiduha anki dwar inħawi oħrajn.

Misteri… u allura ħadd ma jaf is-sewwa x’inhi… ħlief dawk li esperjenzawha.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN