Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

It-Temperatura

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Għalkemm f’pajjiżna ma jkollniex xi xitwa qalila wisq b’temperaturi taħt iż-żero, mhux l-istess nistgħu ngħidu għas-sajf. Is-sajf tagħna huwa qalil u jitwal ħafna aktar mit-tliet xhur li suppost idum. L-istaġuni jiddependu mill-bogħod tad-dinja mix-xemx, partikolarment in-naħa tagħna, tul żminijiet differenti tas-sena. Meta x-xemx tkun eqreb togħla t-temperatura u meta titbiegħed, it-temperatura tinżel.

Spiss nisimgħu ir-rapport tat-temp biex inkunu nafu x’temperatura se jkollna u allura jekk it-temp hux se jisħon jew jiksaħ. Hi u riesqa x-xitwa,  minn sħun it-temp jibda jibred, imbagħad it-temp jibda jiffriska u ngħidu li qegħdin inħossu l-bard, sakemm jibda jiksaħ iktar. Aktar ma tinżel it-temperatura ngħidu li l-arja qiegħda tirżaħ u jekk tinżel tant li jagħmel is-silġ, ngħidu li t-temperatura inġazzat.

Ġieli minflok ngħidu li qegħdin inħossu l-bard, ngħidu li qed inħossu s-sirda. Dan jiġri meta ż-żiffa kiesħa tkun tqila bi fwar kiesaħ u taqa’ l-aktar matul il-lejl.

Min-naħa l-oħra, meta mix-xitwa noqorbu lejn is-sajf it-temperatura tagħmel bil-kontra u tibda tisħon. Ikollok ġranet ma tkunx taf x’se tilbes għaliex it-temperatura tkun bejn kiesħa u bejn sħuna; dak li nsejħulu mezzutemp. Anzi f’dawn iż-żminijiet, f’ċerti ħinijiet bħal kmieni filgħodu jew wara l-għabex tħoss il-frisk, waqt li lejn nofs il-ġurnata tħoss is-sħana fl-istess ġurnata.

Meta t-temperatura tibda tisħon bil-mod, ngħidu li t-temp huwa fietel, kelma li aktar ġieli nużawha għall-ilma f’xi kitla. U meta jasal is-sajf Malti nafu li t-temperatura togħla, taqtagħlek nifsek u dejjem ngħidu li “fis-sajf ta’ tfulitna ma niftakrux sħana daqshekk”. Jista’ jkun minħabba li l-pjaneta qiegħda tisħon jew minħabba n-nostalġija.

Hemm differenza bejn il-kelmiet sħana u għomma. Meta tkun fix-xemx diretta, r-raġġi tagħha jġiegħluk tħoss is-sħana. Mentri meta tmur fid-dell, bogħod mir-raġġi u xorta ma teħlisx mis-sħana, dik ngħidulha għomma, għax anki l-arja mhux fix-xemx diretta tkun qiegħda xxerred temperatura taħraq ma’ kullimkien.

Naturalment is-sħana tant taħkimna fis-sajf li taħt xemx tikwi, t-temperatura ssir taħraq u anki tikwi. U dak huwa s-sajf Malti.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN