Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

It-Terramaxka

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Isimha ġej mit-Taljan… ġej miż-żewġ kelmiet chitarra magica. Bla dubju chitarra hija strument mużikali u maġika għaliex iddoqq waħedha, qisha bil-maġija.

It-Terramaxka, kif kien jgħidilha l-poplu, kienet l-aktar popolari lejn tmiem is-seklu dsatax. Kienet tkunnkaxxa kbira miżbugħa b’ħafna kuluri sbieħ u vivaċi li ddoqq melodiji sbieħ u tqajjem atmosfera ferrieħa fit-toroq tal-bliet u rħula ta’ pajjiżna. Kien żmien meta recordings u radjijiet ma kinux jeżistu u allura dik il-mużika bla ħadd ma jdoqq strument dak il-ħin kienet tabilħaqq maġika.

Kienet tkun miġbuda minn xi ħmar jew bagħal, inkella kien jiġbidha sidha stess. Kont issibha kull fejn jistgħu jinġabru n-nies; f’xi festa tal-belt jew raħal speċjalment fi ġranet meta ma jkunx hemm banda, inkella fil-festi l-kbar tal-pajjiż kollu bħall-Karnival, l-Imnarja jew San Girgor. Matul il-bqija tas-sena t-terramaxka kont taraha f’xi pjazza l-Ħadd filgħodu inkella fis-sajf filgħaxija meta n-nies kienet toħroġ
barra għall-frisk.

Il-mużika li kienet iddoqq dejjem kienet xi ħaġa popolari. Dak iż-żmien jew xi arja minn xi opra jew operetta inkella xi valz jew xi kanzunetta Naplitana. Il-kaxxa kien ikollha numru ta’ melodiji li jibqgħu jdoqqu waħda wara l-oħra. Is-sid jagħtiha l-ħabel u l-kaxxa ddoqq għall-gost tan-nies madwarha. Dak il-ħin is-sid kien joħroġ idur fost il-ġemgħa bil-beritta maqluba f’idu jew xi landa żgħira jiġbor xi ħaġa “għall-ispejjeż”. In-nies kienet twieġeb billi titfagħlu xi sold jew xi ħbub… min kien ikollu.

Il-kaxxa ma kinitx biss kollha kuluri. Kien ikun fiha xi pupi taparsi qegħdin idoqqu xi strument mużikali differenti u jiċċaqilqu kull meta ddoqq il-mużika. Fuq ġewwa, u din kienet il-maġija kollha, kien ikollu speċi ta’ tastiera bħal tal-pjanu magħmula minn noti tal-metall. Fit-tarf tagħhom ikun hemm romblu tar-ram b’ħafna ponot li meta jdur imiss mat-tastiera, kull ponta ddoqq in-nota partikolari. U b’hekk joħorġu  l-melodiji kull meta sidha jagħtiha l-ħabel.

Imma kif jgħidu l-Greenfields… kif spiċċat it-Terramaxka!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN