Bonġu Kafé
Kurżitajiet

It-Tieġ Malti

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

It-tieġ minn dejjem kien okkażjoni speċjali, mhux biss għall-għarajjes, il-qraba u l-ħbieb, imma wkoll għall-komunità kollha. Għalkemm ħafna kulturi jiċċelebraw l-għaqda bejn tnejn b’mod differenti, minn dejjem kulħadd jagħmel xi tip ta’ festa li hija speċjali għal-lokalità kollha.

F’pajjiżna fl-imgħoddi t-tieġ kellu tradizzjonijiet li forsi llum m’għadhomx moda, imma dak kien it-tieġ Malti. M’għadhiex issir dik li kienet tissejjaħ il-ġilwa. Din kienet purċissjoni mid-dar tal-għarusa sal-knisja fejn tkun se ssir iċ-ċerimonja. L-għarajjes kienu jimxu taħt baldakkin miżmum fil-għoli minn erbat irġiel.

Minbarra l-għarus u l-għarusa, fil-ġilwa kienu jieħdu sehem il-qraba kif ukoll il-ħaddara, jiġifieri dawk li jkunu ġew biex jawguraw u jiffesteġġjaw mal-għarajjes, dawk li llum insejħulhom mistednin. Il-ġilwa kienet tkun akkumpanjata mill-għannejja bil-kitarri, vjolini u xi tamborlin jgħannu l-awguri tagħhom liż-żewġ amorini żgħażagħ. Naturalment l-aħjar għannejja kienu jaqilgħuhom il-familji li jistgħu l-aktar, bħal f’kollox u bħal dejjem.

Tieġ fir-raħal kien mhux biss kien jitkellem dwaru kulħadd, imma dakinhar tat-tieġ, kienu jinġabru n-nies tar-raħal jaraw il-ħilwa.Kienu jinġabru fit-toroq biex isegwu, jawguraw lill-għarajjes, u jgħidu tagħhom dwar x’libset omm l-għarusa inkella dwar kemm allajbierek kellha nies.

Anki l-ilbies kien ikun differenti. Ħafna drabi n-nisa kienu jilbsu l-għonnella. Ma kinux jilbsu l-għonnella li jilbsu matul il-ġimgħa, lanqas dik ta’ nhar ta’ Ħadd. It-tieġ kien okkażjoni rari u allura l-ilbies kien ikun jixhed dan ukoll.

F’nofs is-seklu dsatax kienet inqatgħet it-tradizzjoni tal-baldakkin. Inqatgħet ukoll id-drawwa li l-familja tagħti flixkun inbid bħala rigal lill-qassis. Kien hemm min jagħti wkoll ftira lis-saċerdot.

Tradizzjoni oħra tat-tieġ Malti hija t-tqassim tal-perlini, tradizzjoni li ġiet mill-Italja fejn l-għarajjes jagħtu lill-mistednin kaxxa żgħira b’ħames perlini, li jirrappreżentaw il-ferħ, saħħa, ġid, fertilità u ħajja twila. In-numru magħżul huwa wkoll bil-fart biex żgur ma jistax jinqasam fi tnejn… b’awgurju biex l-għaqda taż-żwieġ ma tinħallx. Din it-tradizzjoni ġieli ntużat f’Malta bil-kaxxa u numru ta’ perlini b’kollox.

Insomma, iż-żwieġ dejjem aktar importanti mit-tieġ. Imma t-tieġ Malti huwa parti oħra mill-kultura tal-imgħoddi tagħna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN