Bonġu Kafé
Kurżitajiet

It-Tieqa tad-Dwejra

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kulħadd iddispjaċih meta ġġarrfet fit-8 ta’ Marzu 2017. Għamlu ħafna maltempati kbar u l-baħar ma jaħfirha lil ħadd. Kien hemm min beda jwaħħal f’xi intervent uman, jew f’xi nuqqas tiegħu. Imma t-Tieqa tad-Dwejra ffurmata n-natura u ġarrfitha n-natura. Kieku lin-natura ma nħalluhiex tagħmel xogħlha, kieku ma kinitx tiffurmaha bħala tieqa.

Infatti huwa maħsub li kienet xi maltempata li snin twal ilu ġarrfet il-parti tan-nofs biex saret kif niftakruha aħna. Kieneu ma ġġarfitx il-parti tan-nofs ma kienet tkun tieqa xejn. Ħadd ma jaf eżatt meta ffurmat. Infatti fl-ewwel kitbiet antiki dwar id-Dwejra, t-tieqa ma kinitx tissemma. Jissemma biss l-għar li jwassal mill-baħar magħluq għall-mewġ ta’ barra. L-ewwel rikordju li nafu bih kien mis-seklu dsatax meta fi tpinġija bil-lapes tat-torri tad-Dwejra tidher it-tieqa fis-sottofond. L-ewwel ritratt li nafu bih ittieħed lejn tmiem dak is-seklu.

Insomma b’xi mod it-tieqa kienet iffurmat u mal-ewwel ġibdet l-għajn. Fi ftit żmien saret il-“wiċċ” ta’ Għawdex. Kull meta tara xi artiklu dwar il-gżira ta’ Kalipso, kont tara xi ritratt jew taċ-Ċittadella, jew tal-Imġarr bil-għar tal-Madonna ta’ Lourdes, inkella tat-tieqa tad-Dwejra.

Kienet ukoll waħda mill-attrazzjonijiet li tiġbed lil dawk kollha li jżuru l-gżira. Minbarra l-baħar magħluq, il-Ġebla tal-Ġeneral u l-
kosta bellezza ħafna nies kienu jinżlu hemm għat-tieqa… u ma jinsew qatt jieħdu ritratt magħha.

U propju dawn ir-ritratti bdew juru kemm minn darba għall-oħra s-saqaf tat-tieqa beda jittiekel. Kien hemm beda jwaħħal li n-nies fuqha għad iwaqqgħuha, imma l-blata tant kienet massiċċa li żgur toqol uman ma tħossux. Kulħadd żgur jiftakar meta t-tieqa dehret f’films internazzjonali.

Il-mewġ ta’ dak il-baħar fond ma jaħfirha lil ħadd, it-tieqa bdiet tittiekel kemm mis-saqaf kif ukoll miż-żewġt iġnub sakemm ma felħitx aktar u ġġarrfet waqt tempesta qalila. Il-baħar tant hu fond li ma fadal ebda ħjiel minnha fuq wiċċ l-ilma.

It-Tieqa tad-Dwejra tibqa’ biss fir-ritratti, u fit-tifkiriet tagħna biex nirrakkuntawhom lil ta’ warajna…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN