Radju Kafé
Kurżitajiet

It-Torok u l-Maltin

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Lit-Torok aħna l-Maltin inħobbuhom wisq. Forsi fil-ġenerazzjoni tiegħi aktar minn ta’ llum, kulma hu ikrah u ħażin kien iswed jew Tork. Jekk fit-tarf tat-taraġ kienu jagħmlu statwa ta’ skjav iswed, dak kien it-Tork tat-Taraġ. Jekk kienu jridu jbeżżgħuna biex ma noqgħodux imqarbin jew storbjużi, kienu jwerwruna li “Ġej it-Tork għalik!” Jekk xi ħadd taqbiżlu malajr jeħlu n-nies tat-Turkija: “U t-Torok jeħduk!”

Anki fil-leġġendi, minħabba li Malta għamlet żmien dejjem tkun attakkata mill-furbani l-aktar Musulmani, għandna stejjer bħal ta’ Għar Ħasan, l-Għarusa tal-Mosta, San Dmitri u oħrajn li fihom il-kattiv dejjem ikun Tork.

Fi ċkuniti, meta kien hawn sens ta’ patrijottiżmu akbar mil-lum minħabba l-fatt li konna għaddejjin minn transizzjoni biex Malta ssir Maltija, l-akbar ġrajja mill-istorja li dejjem irrakkuntawlna kienet dwar l-Assedju l-Kbir; l-istorja kif din iċ-ċkejkna u qalbiena Malta rebħet lill-Imperu Tork Iżlamiku ta’ Sulejman. U f’dik l-istorja min jaf kemm tgħawġu fatti biex juri dak li hu Malti kollu tajjeb, qaddis u safi waqt li kulma mess mat-Torok Musulmani kien kollu żbaljat, ħażin u kattiv. Dak iż-żmien, minbarra li kienet battalja bejn forzi opposti, kienet ukoll ġlieda bejn ir-reliġjonijiet. Kien żmien il-kruċjati u l-pika reliġjuża kienet tissarraf fi gwerer kbar b’ħafna vittmi… kollu f’isem min kien ġie jipprietka l-imħabba. Mhux talli ma fehmuhx fi żmienu u sallbuh, talli lanqas seklu u nofs wara!

F’Malta għandna ċimiterju għat-Torok, fil-Marsa, propju fejn fl-istess Assedju kienu kkampjaw is-suldati Ottomani u min jaf kemm minnhom mietu midruba jew ivvalenati mill-ilma kontaminat mill-Maltin… dejjem f’isem il-Mulej u bis-salib fuq sidirna.

U jekk speċjalment fis-seklu li għadda t-taqbida bejn il-Musulmani u l-Lhud ma waqfet qatt, ta’ min jinnota li dan iċ-ċimiterju tat-Torok fil-Marsa jmiss ma’ ċimiterju ieħor, propju tal-Lhud: żewġ midfna li fil-mewt sabu l-mistrieħ maġenb xulxin. Inkella kieku kif tridhom jistrieħu fis-sliem?

U kos bilħaqq! Jekk għalina l-Maltin kulma hu Tork konna nqisuh bħala ikrah, ħażin u ta’ min jaħirbu, għaliex hawn ħafna Maltin imutu għal biċċa Ħelwa tat-Tork? Dik mhix Torka wkoll? Le, dik qatt ma warrabniha. Għax ħelwa hux!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN