Bonġu Kafé
Kurżitajiet

It-Tramm

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fil-bidu tas-seklu għoxrin, kull min xtaq imur minn post għall-ieħor kien jagħmel dan bil-mixi jew b’xi karrettun misjuq minn żiemel jew ħmar. Ma kienx hawn servizz ta’ karozzi tal-linja. Kien hawn biss il-vapur tal-art imma dak kien limitat għax kien iwassal mill-Belt sal-Imdina u jieqaf biss matul it-triq bejn iż-żewġt ibliet.

Minħabba l-bżonn ta’ trasport regolari lejn irħula u bliet oħrajn li ftit ftit kienu qegħdin jiżviluppaw f’ċentri kummerċjali, fl-1903 twaqqfet il-Malta Tramways mill-kumpanija Ingliża McCartney, McElroy & Co. Is-servizz tat-tramm kien jimxi fuq il-linji u jitħaddem bl-enerġija elettrika.

Is-sena ta’ wara bdew jitpoġġew il-linji u fit-23 ta’ Frar tal-1905 kien inawgurat is-servizz mill-Gvernatur Sir Mansfield Clarke. Il-linji kienu jitilqu minn barra Putirjal. Imorru lejn Triq Sant Anna fil-Furjana sa l-inħawi tal-Blata l-Bajda imbagħad imorru lejn inħawi differenti. Kien hemm b’kollox tliet linji; waħda li tmur Raħal Ġdid u l-Kottonera, oħra li tmur Ħal Qormi u Ħaż-Żebbuġ u t-tielet waħda li tmur il-Ħamrun u Birkirkara.

Kull tramm kellu żewġ livelli, qisu double decker. Isfel kellek lix-xufier u 10 bankijiet fejn ipoġġu 20 persuna. Il-bqija kien spazju vojt fejn il-passiġġieri setgħu jibqgħu bil-wieqfa. Dan kien jinkludi anki bdiewa u raħħala li kienu jġorru l-prodotti tagħhom bit-tramm lejn is-suq tal-Belt jew lejn xi pitkali fl-irħula. Twieqi fil-livell t’isfel ma kienx hemm.

Fil-livell ta’ fuq kien ikun hemm post għal 18-il passiġġier kollha bil-qiegħda. Fil-livell ta’ fuq saqaf ma kienx hemm u kien hemm il-periklu li xi ħadd jista’ jilħaq il-wires għaddejjin fuq il-vettura. Għalhekk ħadd ma kien jitħalla bil-wieqfa fil-livell ta’ fuq.

Is-servizz tat-tramm ma rnexxiex kif kien mixtieq. Kien hemm żmien meta l-kumpanija nbidlet minħabba l-finanzi. U aktar minn hekk, meta bdew deħlin il-karozzi tal-linja li setgħu imorru kullimkien mingħajr bżonn ta’ linji, is-servizz tat-tramm falla u kellu jieqaf, kif ġralu bħalu s-servizz tal-ferrovija.

It-tramm ta’ Malta waqaf fil-15 ta’ Diċembru tal-1929.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN