Radju Kafé
Kurżitajiet

It-Triq tal-Ganċ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Minn dejjem hekk kont nismagħhom isejħulha. U mhux it-triq kollha jsejħulha hekk. Triq San Ġwann fil-Belt hija twila mhux ħażin imma l-parti li minnha tinżel lejn il-Port il-Kbir biss iġġib dan l-isem. U kemm-il darba mort hemm, domt ħafna biex indunajt li fil-verità hemm ganċ daqsiex imwaħħal mal-ħajt fil-kantuniera tal-lemin. Stramb hux! U min jaf x’fond għandu fil-ġebla! Imma dak il-ganċ x’qiegħed jagħmel hemm?

Fil-fatt l-istorja tgħidilna li dak il-ganċ kien twaħħal hemm bħala parti mill-apparat użat biex ittellgħet il-qanpiena l-kbira fil-kampnar ta’ San Ġwann lejn nofs is-seklu tmintax fi żmien il-Gran Mastru Pinto. Hija qanpiena li tiżen aktar minn sitt tunnellati u dak iż-żmien bilfors kien hemm bżonn apparat ta’ din il-kwalità biex il-qanpiena ssib postha.

Hemm min jgħid ukoll li mill-1760, meta l-binja fejn hu mwaħħal il-ganċ, il-Klistanija, beda jservi bħala qorti, kienu jorbtu l-ħabsin miegħu. Imma hemm ħafna dubji dwar din. Iktar tagħmel sens li kienu jużawh biex jolzaw lill-priġunieri miegħu sa fuq l-ispeċi ta’ niċċa bla qaddis li hemm fil-kantuniera. Jgħidu li hemm kienu jtellgħu lill-akkużati għar-redikolu tal-poplu; biex in-nies jieħdu eżempju u ma jwettqux reati. Din l-użanza kienet twaqqfet fi żmien l-Ingliżi.

Jingħad li fil-bidu nett tas-seklu dsatax, meta Horatio Nelson kien Malta, wara ikla l-Belt, hu u sħabu kienu neżlin lura lejn il-vapur fil-port. Kollega ta’ Nelson għamillu mħatra jekk jirnexxilux jgħaddi minn ġo dak il-ganċ. Nelson ipprova u rnexxielu. Minħabba s-suċċessi kbar li kellu Nelson fil-qawwa navali Ingliża, baqgħet użanza fost il-baħrin li jekk xi ħadd minnhom jixtieq jirnexxi fil-karriera u jieħu xi promozzjoni, irid jagħmel bħal Nelson u jgħaddi minn dak il-ganċ. Jekk ma jirnexxilux, ikun falla. Fil-fatt, bejniethom, l-Ingliżi kienu jsejħulu Nelson’s Hook.

Il-ħwienet fit-triq tal-ganċ maż-żmien saru ħwienet tax-xorb għall-baħrin. U jgħidu li minbarra r-rabta ma’ xi promozzjoni fin-navy, il-baħrin kienu anki jagħmlu imħatri li jgħaddu mill-ganċ għal xi lejl birra. Kienu jagħmlu imħatra bejniethom, u min jirnexxielu jgħaddi, jagħmel lejl jixrob minn fuq dahar sħabu.

Jien minix se nipprova ngħaddi mill-ganċ. La għandi ħajra nilħaq fin-navy u lanqas lanqas li nagħmel xi lejl sħiħ nixrob. Għax fuq kollox naf li lanqas ngħaddi, nipprova kemm nipprova.

U l-ganċ jibqa’ hemm… hemm biex jgħidilna l-istorja tiegħu.

Imma kif lanqas biss hemm imqar kitba miegħu b’din l-istorja kollha? Kieku l-eluf ta’ turisti li jgħaddu minn ħdejh jieħdu aktar nteress fih, imqar jieħdu ritratt…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN