Bonġu Kafé
Kurżitajiet

It-Tritoni

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Skont il-mitoloġija Griega, it-Tritoni huma l-verżjoni maskili tas-sireni tal-baħar. Minflok nisa sbieħ bjondi kif għandhom ħabta jpinġu lis-sireni, dawn huma kreaturi bil-parti ta’ fuq bħal ta’ raġel uman u l-parti t’isfel bħal ta’ ħuta. Huma wlied l-alla Poseidon u martu Amphitrite. Letteratura antika Griega tgħid li dawn it-Tritoni jgħixu f’qiegħ il-baħar fil-palazz tad-deheb tal-ġenituri tagħhom.

Imma għalina l-Maltin it-Tritoni ma jfissrux allat fil-baħar. Imma xbiehat tal-bronż ta’ dawn l-allat f’wieħed mill-aktar postijiet popolari ta’ pajjiżna… landmark fid-daħla tal-belt kapitali.

Fis-snin ħamsin kien hemm l-idea li f’nofs il-wesgħa ta’ Putirjal issir struttura artistika minflok is-sempliċi roundabout li kien hemm qabel. Saret kompetizzjoni pubblika u rebaħ id-disinn ta’ tliet Tritoni kbar iżommu b’id waħda plattin kbir f’nofs funtana f’forma tonda, bl-ilma jiddomina minn isfel ta’ fuq tal-istruttura. Dan id-disinn rebbieħ kien tal-iskultur famuż Ċensu Apap. Jingħad li kien għenu wkoll id-draughtsman Victor Anastasi, speċjalment fit-teknika tal-funtana. Iżda minħabba li dan tal-aħħar kien
impjegat direttament mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ismu ma setax jidher fil-proposta li rebħet il-kompetizzjoni.

Ix-xogħol fuq il-funtana ntemm fl-1959, meta Malta ma kellhiex Gvern tagħha. Il-Gvern Kolonjali lanqas biss inawguraha u bdiet taħdem għall-gost tal-pubbliku fis-16 ta’ Mejju ta’ dik is-sena.

Tnjen mit-Tritoni jidhru bil-qiegħda filwaqt li t-tielet wieħed huwa għarkupptejh. Kollha jinsabu fuq bażi ta’ ħaxix tal-baħar u minkejja li l-istruttura m’għandha ebda faċċata, imma t-tundjatura tagħha tagħti faċċata lil kull anglu, kif toħroġ minn Bieb il-Belt xorta tista’ tara t-tliet uċuħ tat-Tritoni.

Fis-snin sebgħin il-funtana ġralha l-ħsara meta l-plattin miel fuq naħa minnhom. Dan jista’ jkun ġara wara li ttella’ fuqha armar meta l-funtana kienet tintuża bħala palk għal attivitajiet nazzjonali. Saru diversi tentattivi biex il-funtana tkun irranġata bħal qabel, fosthom kienet żdiedet kolonna tal-bronż fin-nofs tagħha f’forma ta’ ħaxix tal-baħar u xi gawwi biex tieħu fuqha l-piż tal-plattin. Iżda l-funtana reġgħet lura għall-glorja oriġinali tagħha biss fl-2018 meta l-kolonna tneħħiet, it-Tritoni ssaħħu u l-funtana reġgħet bdiet taħdem ftit qabel il-Belt Valletta saret Belt Kapitali Ewropeja. Minn madwarha tneħħew ukoll il-karozzi tal-linja u għall-ewwel darba l-poplu seta’ jgawdi dak il-ftuħ sabiħ li naraw illum.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN