Bonġu Kafé
Kurżitajiet

It-Tuttu, l-Wuwwu u l-Pejxu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Huwa naturali li t-tfal ma jibdewx jitkellmu mal-ewwel. Fi ċkunithom, ikunu qegħdin jitgħallmu jitkellmu u allura jinstabilhom kliem ħafif biex jikkomunikaw. Forsi bħala parti mill-fsied? Imma kliem monosillabi jew b’żewġ vokali l-istess it-tfal faċli jgħiduhom. Dan ma jeżistix biss fil-Malti, imma f’kull lingwa. Imma aħna tal-Malti nafu… dawk il-kliem tat-tfal li għadhom bil-Malti!

Ħafna minna jiftakru li meta konna żgħar żiemel konna ngħidulu tuttu, kelb kien wuwwu u qattus pejxu. Hekk konna niftiehmu. Filgħodu kienu jagħmlulna l-kukka bil-pappa, jiġifieri bajda u xi biċċa ħobż magħha. F’nofsinhar imbagħad konna inpappu, jiġifieri nieklu. L-ikel konna nsejħulu nejna. U xi biċċa laħam konna nirreferu għaliha bħala zizu. Imma ħafna tfal jippreferu ċ-ċejċa li għalihom tfisser ħelu.

Ovvjament it-tfal f’kull żmien jippreferu l-ħlewwa!L-ilbies għat-tfal kien bobba u ż-żarbun kien bambu. Meta kienu jaħsluna jgħidulna li se nagħmlu ċuffa u biex norqdu jgħidulna mmorru nninnu. U b’hekk inkunu vavi bravi, jiġifieri tfal bravi.

Jekk waqt il-logħob forsi naħbtu xi żewġt itfal bejnietna, jgħidulna li għamilna bumma. U jekk inweġġgħu, inkunu għamilna mimmi u jġibulna t-tabib li kienu jsejħulu n-nunu. U jekk nibqgħu inkunu mqarbin jgħajtu magħna u jwissuna li se jagħtuna qeqqe! Ma x’biża’!

Kien ikollna nobdu u nċiċċu beqqi jiġifieri noqgħodu bilqiegħda kwieti. Ma tantx it-tfal idumu kwieti wisq għax meta jibdew jimxu imbe, jiġifieri jimxu għarkupptejhom, jiżdied l-inkwiet. Imma biex iżommuna kwieti kienu jagħtuna ċ-ċuċċu jiġifieri l-gażaża, u l-bumbu li kien ifisser il-flixkun tal-ħalib. U jwissuna li l-bimbi mhux tajjeb għalina, b’riferenza għall-inbid li huwa xorb tal-kbar.

Kienu jgħidulna li karozza hija paqqa, mutur vrumm vrumm, tiġieġa kienet ziza, fenek kien muċċu u mogħża beqqa. Immaġina kieku jkellmuna hekk illum!

Illum inbidel kollox. Żiemel sar horsie, kelb doggie u qattus pussy… għax anki l-lingwa tat-tfulija qed inwarrbu. L-Ingliż qed jieħu post kollox.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN