Bonġu Kafé
Kurżitajiet

It-Twemmin fil-Kampanja

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-kult Nisrani tal-poplu Malti huwa rifless fil-ħajja tal-kampanja. Il-Malti jġorr it-twemmin tiegħu kull fejn ikun, anke fix-xogħol tiegħu fir-raba’. Matul xi dawra mal-kampanja niltaqgħu ma’ ħafna niċeċ, relikwi jew kappelli.

In-niċeċ huma ħafna drabi tifkiriet ta’ xi grazzji li jkunu qalgħu il-bdiewa tal-inħawi. Fihom naraw xbiehat tal-Madonna, ta’ Kristu, tal-qaddisin jew tal-erwieħ tal-purgatorju. Xi uħud minnhom kien ikollhom anke iskrizzjoni dwar kemm ikun hemm indulġenza mogħtija lil min jgħid xi talba quddiem dik in-niċċa. Dawn kienu jsiru skond digriet maħruġ mill-isqof taż-żmien. Xi niċeċ kien ikollhom ukoll fejn tinxtegħel tazza taż-żejt li kienet toffri l-uniku dawl wara l-għabex lill-inħawi.

Minbarra xbiehat ta’ qaddisin, wieħed isib ukoll xi slaleb fuq kolonna. Uħud minn dawn jissejħu slaleb tad-dejma għax hu maħsub li dawn kienu jservu biex maġenbhom jinġabra tad-dejma biex jieħdu l-ordnijiet meta jinqala’ xi ħaġa.

Salib partikolari fil-limiti ta’ Birkirkara hu marbut ma’ storja ta’ raġel li kien qed jiġri wara raġel ieħor biex joqtlu u staqsa wieħed li kien mal-ħajt tas-sejjieħ jekk rax fejn mar l-ieħor. Id-direzzjoni li tah wasslet għal delitt. Minħabba f’hekk dan is-salib baqa’ magħruf bħala ta’ Rajt ma rajtx, Smajt ma smajtx.

Fil-kampanja nsibu wkoll għadd sabiħ ta’ kappelli. Dawn ukoll kienu jkunu frott ta’ xi grazzji maqlugħa. Probabbli li meta grazzja kien jaqlagħha xi sinjur, minflok niċċa kien jibni kappella.

Hemm ħafna stejjer marbuta ma’ xi kappelli. Fosthom insibu l-kappella tal-Isperanza f’Wied il-Għasel fil-Mosta. Din hi marbuta ma’ leġġenda dwar xebba li kienu qed jiġru warajha l-furbani. Wara li nħbiet f’għar, talbet bil-ħrara lill-Madonna u kien hemm brimba li fi ftit ħin għamlet għanqbuta mal-fetħa tal-għar li ġiegħlet lill-furbani jaħsbu li hemm ma setgħetx inħbiet. kappella oħra fil-Għargħur magħrufa bħala tal-Madonna taż-Żellieqa kienet inbniet b’ħajr għal fejqan ta’ tfajla. Bħal dawn hemm ħafna stejjer oħrajn marbutin ma’ kappelli fil-kampanja f’Malta u Għawdex.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN