Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ix-Chalet

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ħafna nies isemmu x-Chalet f’Tas-Sliema, anki llum meta x-Chalet m’għadux hemm. Fadal biss
pjattaforma tal-konkos f’nofs Għar id-Dud fejn darba kien hemm dal-famuż Chalet. Il-konkos kien sar fuq il-blat biex fuqu sar post tad-divertiment.

Ix-Chalet kien ta’ ċertu Karmenu Axisa li ħa kuntratt mingħand il-Gvern għal 30 sena u fetaħ fl-1926. Kien struttura moderna għall-aħħar f’dak iż-żmien, bi pjanta tal-Perit Cordwell tar-Royal Engineers; żewġ sulari maħruġin ’il barra fuq il-baħar, eċċellenti għax-xhur tas-sajf fejn tista’ tiekol, tixrob inkella tiżfen għall-frisk tal-baħar.

Kien ikun hemm orkestra ddoqq fis-sular ta’ fuq u ġieli oħra isfel ukoll. In-nies setgħu jiżfnu anki bil-ħwejjeġ tal-għawm, u allura ż-żewġ swali kellhom il-ħġieġ apposta biex ġewwa ma jidhirx minn barra.

Dak iż-żmien kienet għarukaża li t-tfal jaraw lill-kbar jiżfnu, aħseb u ara bil-malja tal-għawm!
Imma jekk matul il-ġimgħa stajt tidħol bil-malja, il-Ħadd filgħaxija stajt tidħol biss fil-ġlekk u l-ingravata.

Kienu jdoqqu l-aqwa orkestri u mużiċisti ta’ pajjiżna. Ġieli kien ikun hemm anki kantanti jallegraw lin-nies. Bħalma l-Premier kien għall-Belt, ix-Chalet kien għal Tas-Sliema.

Bħalma fis-sajf kien post pjaċevoli, fix-xitwa, faċċata tal-Grigal fejn il-baħar jibla’ l-art, mhux l-ewwel darba li kienet issir xi ħsara. U ħsara aktar saret fil-gwerra meta fl-1942 ix-Chalet intlaqat minn bomba tal-għadu. Bl;a dubju matul il-gwerra kien magħluq, u kif spiċċat il-gwerra dam ma nfetaħ minħabba l-ħsara tal-bomba. Infatti wara l-gwerra, kien anki bidel l-idejn u reġa’ fetaħ fl-1944.

Ix-Chalet baqa’ popolari u ħafna xjuħ ta’ llum isemmuh b’nostalġija. Tant kien l-aktar post popolari għad-divertiment, li jekk xi ħadd jitgħażżen u ma jrid jagħmel xejn, malajr jgħidulu “Mela ħsibtek qiegħed ix-Chalet jew?”

Il-qawwa tal-baħar jaħbat għall-pedamenti, maż-żmien, wera li kien l-akbar għadu tal-istruttura. Jingħad li kien hemm anki nuqqas ta’ manutenzjoni. Imma kien x’kien l-istruttura bdiet tmajna u fis-sena 1959 ix-Chalet kien ikkundannat u fl-1963 kellu jagħlaq.

Fl-2006, dak li kien fadal mix-Chalet twaqqa’ u llum jibqa’ biss parti mill-istorja fir-ritratti u l-memorji ta’ min laħqu fl-aqwa tiegħu.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN