Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ix-Xalata

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Aħna l-Maltin inħobbu nixxalaw. Kull ċans li jkollna biex b’xi mod niddevertu, nagħmlu minn kollox biex ma nitilfuhx. L-aktar xalati magħrufa huma dawk li jiġu l-għada tal-festi fil-bliet u rħula.

Fl-imgħoddi l-irġiel kienu joħorġu mil-lokalita tagħhom għax-xogħol biss. In-nisa jibqgħu jieħdu ħsieb id-dar u biex xi darba joħorġu mir-raħal kienet tkun xi okkażjoni speċjali. Imma fil-ġimgħa tal-festa, żgur ma kinux joħorġu u jgawdu l-attivitajiet kollha kemm ta’ ġol-knisja kif ukoll ta’ barra t-triq.

Allura meta tgħaddi l-festa, kienu jħobbu jmorru mal-familja fuq xi karrettun bil-bhima lejn il-kampanja jew maġenb il-baħar u jieħdu magħhom xi kisra ħobż biż-żejt u t-tadam u x’jixorbu wkoll. Din bdiet tindara u kif bdew jaħdmu x-xarabanks privati, bdew jorganizzaw xalati ħafna nies flimkien.

Ix-xalati ta’ San Duminku tal-Belt u ta’ San Publju tal-Furjana kienu differenti minħabba l-mużiċisti marbuta ma’ Strada Stretta u Balzunetta rispettivament. Dari l-mużika kienet tindaqq live biss u allura dawn iż-żewġ postijiet l-aktar li kellhom ċans jieħdu magħhom mużika moderna, l-aktar dik jazz. L-irħula l-oħrajn kien ikollhom xi daqqaqa bil-kitarri u xi tamborlin, inkella xi strument tal-banda.

Ta’ San Duminku kienu jinġabru l-Baviera biex isibu post f’xi ħames jew sitt karozzi tal-linja minn dawk immarkati Private, dawk li kienu jkunu lewn il-krema safra. L-irġiel u n-nisa ma kinux jirkbu flimkien. Fi private tal-irġiel ma kinux jitilgħu nisa u viċi versa. It-tfal żgħar kienu jitilgħu man-nisa. Kienu jdoqqu tul it-triq kollha u kienu jmorru l-ewwel sal-Buskett għat-tombla,ikel, inbid, birra… u allura wara x-xorb jiġi ż-żfin ukoll!  Wara kienu jmorru l-Armier għall-għawm, San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq u lura lejn il-
Belt jirrakkuntaw kemm ħadu gost lil dawk li tilfuha.

Il-Furjaniżi wkoll kienu jieħdu l-mużiċisti magħhom u kienu jibdew mill-Buskett, għall-Armier, San Pawl, Baħar iċ-Ċagħaq… u ma kienu jitilfu qatt li jgħaddu minn Għar id-Dud biex jiżvugaw ir-rivalità tal-futbol mas-Slimiżi. Kien hemm min minflok jidħlu lura l-Furjana kienu jinżlu Birżebbuġa wkoll sat-tard.

Insomma, lilna l-Maltin għax-xalati tilgħabilniex!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN