Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Ix-Xalati tal-Għannejja

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Fl-imgħoddi  l-għana kienet aktar popolari mil-lum. F’ħafna ħwienet fl-irħula dejjem kienu jinġabru l-għannejja u d-daqqaqa filgħaxija jgħannu u jdoqqu fuq xi pinta nbid, jinku lil xulxin u juri min jaf iqabbel l-iktar. Naturalment dawn kienu jiġbru d-dilettanti tal-għana fir-raħal biex isegwuhom u jgħaddu siegħa żmien.

B’dan il-mod id-dilettanti dejjem kienu jsegwu lill-għannejja ta’ raħalhom jew ta’ xi lokalità fil-qrib. Imma minbarra fil-ħwienet tax-xorb tar-raħal, l-għannejja u d-daqqaqa kellhom ukoll okkażjonijiet biex juru dak li jafu mad-dilettanti tal-pajjiż kollu. Per eżempju fis-sajf tas-snin sittin u sebgħin ħafna għannejja kienu jinżlu maġenb il-baħar il-Qajjenza meta kien għad m’hemmx bini, għand Mikiel Abela l-Bambinu li kien għannej prim. Hemmhekk kienu jsibu rokna għad-dell ħdejn il-kamra ta’ Mikiel, u miegħu jintefgħu jgħannu u jqabblu għall-gost ta’ dawk kollha li kienu jattendu. U jgħannu u jagħnnu u kieku ma jibdiex jidlam, ma kienu jieqfu qatt.

Minbarra l-Qajjenza mhux l-ewwel darba li ħdejn xtut oħrajn kienu jinġabru xi għannejja u daqqaqa jieħdu gost u jagħtu gost lil min jinzerta hemm. Kienu jiftiehmu bħala grupp u ġieli jdoqqu San Pawl il-Baħar, jew Baħar iċ-Ċagħaq, jew Birżebbuġa, jew l-Armier.

Imma mbagħad, mingħajr ma jiftiehmu, kellhom appuntamenti sena wara l-oħra għax-xalati tagħhom. L-aqwa waħda kienet l-Imnarja meta tant kienu jdumu jgħannu fil-Buskett li kienu jispiċċaw jieklu xi fenek u anki jorqdu hemm… biex filgħodu jerġgħu iqumu jgħannu.

Imbagħad kellek festi oħrajn iċċelebrati bil-għana. Kienu jmorru jgħannu f’Ħaż-Żabbar għal Ħadd in-Nies. L-Erbgħa ta’ wara l-Għid il-Kbir kienu jinżlu jgħannu Marsaxlokk f’jum San Girgor. F’Lapsi kien imiss ix-Xgħajra fejn kienu jiltaqgħu għal xalata ta’ għana u fil-Vitorja kienu jmorru l-Mellieħa u l-Għadira.

Dan minbarra f’xi okkażjoni speċjali jew fil-Karnival f’xi pjazza. Is-sinjuri kienu jmorru l-ballijiet u l-oħrajn jinġabru jisimgħu l-għana.

Għax l-għana kienet il-favorita ta’ ħafna, u allura kienet tmur fejn ikunu l-ħafna.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN