Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Jum is-silenzju

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kif żgur kulħadd jaf, għada għandna l-elezzjoni, anzi żewġ elezzjonijiet: waħda għall-Parlament Ewropew u l-oħra għall-Kunsilli Lokali. U bħalma jiġri f’kull elezzjoni, illum il-Ġimgħa jkollna dak li jissejjaħ Jum is-Silenzju.

Malta kollha trid tispiċċa bħall-Imdina, il-belt siekta… u llum irid ikollna pajjiż sħiħ sieket. Jiġifieri oqgħodu attenti biex lanqas il-kelb ma għandu dritt jinbaħ, lanqas il-qattus ma jista’ jagħmel ħoss.

U jekk tkun qed issuq u toħroġ minn xi Stop Sign u ta’ ħdejk igergirlek, fakkru li ma daqqetx il-ħorn… għax illum Jum is-Silenzju. U la tista’ tisgħol, u la tista’ tagħtas u la tonħor u lanqas tagħmel ebda ħoss riżultat tal-fażola tal-bieraħ! Għax illum Jum is-Silenzju.

U bħal-lum anki l-kmamar tal-aħbarijiet isibu diffikultà x’aħbarijiet se joħorġu. Għax wara kamppanja elettorali sħiħa kuljum bl-aħbarijiet politiċi, illum ma jistgħu isemmu xejn. Allura bħal-lum joħorġu aħbarijiet li s-soltu ma jsibux ħin joħorġuhom, anzi llum kważi jispiċċaw headlines.

U jekk toqgħod taħseb kif jiġru l-elezzjonijiet f’Malta… il-Ħamis ikollok attività sħiħa li tibqa’ għaddejja sa nofs il-lejl, il-Ġimgħa jkollok jum ta’ silenzju, is-Sibt tiżdied l-attività u tibda l-istennija u l-Ħadd ikollok ħafna daqq u ġiri fit-toroq.

EŻATT bħall-Għid… f’Ħamis ix-Xirka jkollok attività sħiħa li tibqa’ għaddejja sa nofs il-lejl, fil-Ġimgħa l-Kbira jkollok jum ta’ silenzju, f’Sibt il-Għid tiżdied l-attività u tibda l-istennija biex imbagħad nhar Ħadd il-Għid ikollok ħafna daqq u ġiri fit-toroq bl-Irxoxt.

Niftakar l-ewwel darba li sar dan Jum is-Silenzju kien fl-elezzjoni tal-1976. Kien sar biex il-partiti ma jibqgħux sal-aħħar mument jorganizzaw meetings u jagħmlu propaganda waqt li n-nies diġà sejrin jivvutaw.

Jien inqabbel dan is-silenzju ma’ vulkan sieket li qiegħed ibaqbaq minn ġewwa jistenna l-ħin li jiżbroffa… skont xi jkun ir-riżultat. Imbagħad meta joħroġ il-verdett finali issib lil min jagħmel l-istorbju għax ikun rebaħ u lil min jaqa’ f’silenzju akbar minn ta’ llum.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN