Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Kalipso

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Lill-gżira t’Għawdex spiss insejħulha l-gżira ta’ Kalipso. Dan minħabba l-leġġenda li n-nimfa Kalipso, bint Atlas, kienet tgħix fuq il-gżira ta’ Oġiġja, li ħafna jallegaw li hija Għawdex. Fuq il-gżira tagħha, Kalipso kienet parti mill-ġrajja mitoloġika tal-Greċja antika Odissea ta’ Omeru.

L-isem Kalipso ġej ukoll mill-Grieg antik li jfisser taħbi, kważi taħbi b’qerq. Infatti, skont il-mitoloġija, Kalipso kienet moħbija, tgħix ta’ eremita fuq gżira moħbija u ħbiet lil Ulisse b’qerq. Il-kelma nimfa tfisser spirtu tal-mitoloġija f’forma ta’ mara sabiħa li tgħix fin-natura. Hija differenti minn alla femminili Griega, imma tkun spirtu marbut ma’ post partikolari.

Fil-każ tagħna, Kalipso kienet marbuta ma’ Oġiġja li jingħad li kienet Għawdex. Jgħidu li kienet tgħix f’għar fond lejn tarf ix-Xagħra, fuq ir-riħ tar-Ramla l-Ħamra. U għalhekk jingħad ukoll li kien propju fir-Ramla l-Ħamra li Ulisse spiċċa fuq il-gżira. Huwa kien minn Itaka fi Ġreċja eroj li jbaħħar u allura waqt it-tbaħħir jinfired minn martu Penelope.

Iżda Kalipso għamlet minn kollox biex iżżommu magħha. Kienet toqgħod iddur iddur fuq ir-ramel ħamran, tinseġ in-newl u tkantalu biex issaħħru u ma jitlaqx. Riditu jibqa’ magħha bħala żewġha immortali, għal dejjem.

B’kollox irnexxielha żżommu għal seba’ snin u Ulisse ma setax jissapporti aktar mingħajr ma jmur jara lil martu Penelope. Bil-għajnuna ta’ diversi allat, ingħatat l-ordni lil Kalipso biex teħilsu, għax id-destin tiegħu ma kienx li jgħix magħha għal dejjem. Kalipso kellha tobdi imma kkummentat li l-allat jiddejqu li n-nimfi jkollhom relazzjoni ma rġiel umani. Kontra qalbha tagħtu materjal biex jagħmel opra tal-baħar
biex jitlaq fuqha u tagħtu wkoll inbid u ħobż għall-vjaġġ.

Skont Omeru, fis-seba’ snin fuq Oġiġja, Kalipso u Ulisse ma kellhomx ulied, imma skont xi kitbiet li saru wara, hemm min kiteb li kellhom iben u skont oħrajn kellhom anki tnejn.

Minkejja li ssib gżejjer oħrajn li jgħidu li huma Oġiġja, jidher li l-aktar tradizzjoni antika tirreferi għal Għawdex.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN