Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Kanali

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

In-natura poġġiethom fil-Gżejjer Kanarji. U minn hemm ġej isimhom. Għasafar sbieħ li għexu sekli sħaħ fis-selvaġġ, id-dinja oriġinali tagħhom, sakemm il-bniedem iddeċieda fis-seklu 17 li jitfagħhom fil-gaġeġ biex igawdihom f’daru u ma jaħirbulux.

Il-kanali bdew ikunu domestikati f’dak is-seklu meta baħrin Spanjoli li kienu jbaħħru bejn il-Gżejjer Kanarji u l-Ewropa kienu jġibu minnhom u jbiegħuhom. Dak iż-żmien kanal kien jiswa l-flus u sar moda għand ir-Rejiet u nobbli ta’ Spanja u l-Ingilterra. Il-patrijiet bdew irabbuhom għan-novelli, iż-żgħar tagħhom, imma jbiegħu biss l-irġiel, għax dawk biss jgħannu. Minħabba f’hekk ħadd aktar ma seta’ jkattar minnhom u l-prezz baqa’ għali. Imma t-Taljani raw kif għamlu, ġabu xi kanali nisa u bdew ibiegħu minn kollox sakemm il-kanali xterdu, saru popolari mhux biss għand l-alta klassi u anki bdew ifaqqsu razez differenti.

F’Malta l-kanali popolari. Niftakar immur ma’ missieri l-Monti u jkun hemm għażla kbira x’tixtri: tal-Belgju imberflin, Gloster qishom bil-frenza, il-komuni sofor, oħrajn bojod, suwed, oranġjo, ħodor inkella bi lwien imħalltin, imsejħa variegated.

Missieri kien jixtri par, raġel u mara, biex nitilquhom għan-novelli. Fuq il-guva jpoġġi karti strazzi rqaq jew tiben u ħdejhom iħalli bieqja vojta. Tinduna li se tbid għax jibdew iġorru l-karti jew tiben biex jiffurmaw bejta fil-bieqja. Meta tbid il-mara toqgħod fuq il-bajd biex jibqgħu sħan għax jekk jiksħu ma jaqqsux. Allura r-raġel iwasslilha l-iskalora f’ħalqu u jżoqqha. Kellna każi fejn il-mara tmur tiekol hi u sadanittant ir-raġel kien joqgħod fuq il-bajd hu sakemm tiġi lura fil-bejta.

Konna nagħmlu bozza tixgħel lejl u nhar biex iżżommilhom is-sħana. Il-bozza konna ngħattuha bil-black paper biex tgħatti d-dawl, inkella ma jorqdux.

Meta jfaqqsu, kienu jżoqquhom l-omm u l-missier. Konna nqattgħulhom xi bajda iebsa u ġieli nitfgħulha niskata zokkor ukoll… għas-sustanzi u l-enerġija.

U ġieli minflok żewġ kanali, konna nitilqu kanala ma’ xi għasfur ieħor. Jekk titlaqha ma’ ġojjin, ikollhom bgħal ta’ ġojjin. L-istess ma’ xi gardell, jew virdun jew aktar. U l-bgħal ikun jgħanni ħafna aktar mill-għasafar l-oħrajn!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN