Bonġu Kafè
Kurżitajiet

Karfusa jew Tursina

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ħafna drabi meta mmorru nixtru il-ħaxix, wara li nordnaw kulma rridu u l-bejjiegħa jiżen il-bejgħa, jitfa’ kollox b’xi boroż u fil-basket tagħna… u qabel jibda jagħmel il-kont jitfgħalna xi weraq tal-karfus jew tat-tursin. U jagħmilha dak il-ħin biex jurik ċar li ta’ dawk mhux se jżommlok flus fil-kont, imma huma biss bħala ħajr talli xtrajt mingħandu.

Ħafna nies jitfixkluhom. Għax il-forma tagħhom hija qrib ħafna. Imma jekk tagħti kas sew, jingħarfu u d-differenza faċli tidraha. Imma minbarra d-dehra tagħhom hemm differenza sostanzjali oħra… ir-riħa. Ir-riħa u t-togħma huma kompletament differenti u għalhekk fil-borma jintużaw għal skopijiet diversi.

Il-karfusa nafu biha ħafna fil-brodu. Jgħidulek li brodu bla zunnarija u karfusa jitlef it-togħma bnina tiegħu. Meta mqatta’ żgħira tintuża wkoll mal-karrotti f’zalza ħamra bil-laħam kapuljat għal ma’ xi platt għaġin. Għalkemm huwa ingredjent ċkejken u ħafna jgħaddu mingħajru, fil-palat jagħmel differenza. Iżda xi razez tal-karfus, dawk li l-qiegħ taz-zokk tagħhom ikun oħxon ħafna, jittielku f’forma nejja anki mal-ġobon. L-għeruq tagħhom jittieklu wkoll u l-pjanta għandha valuri nutrittivi għoljin. Fil-ġnien, karfusa hija pjanta b’saħħitha u tajba għall-klima tagħna, eżatt bħat-tursin… għax it-tnejn huma pjanti komuni madwar il-Mediterran.

It-tursina tintuża f’xi riċetti imma hija aktar magħrufa għall-użu frisk tagħha. Tagħti togħma pikkanti f’xi insalata u hija magħrufa anki fuq il-patata maxx, inkella mal-irkotta f’xi torta. Minbarra frisk mingħand tal-ħaxix issibu wkoll f’forma mnixxfa fi fliexken jew bottijiet żgħar, iżda daqs il-frisk ma ssiblux togħma.

Meta konna tfal, ftit konna niggustawhom… u maż-żmien tinduna li t-tfal ta’ kull żmien jagħmlu hekk. Fil-brodu l-karfusa konna nwarrbuha u fuq il-patata maxx dik ix-xi ħaġa ħadra konna nitfgħuha f’ġenb u ma nikluhiex. Iżda maż-żmien tinduna kemm dawn iż-żewġ pjanti, minbarra togħma pikkanti, għandhom ukoll elementi mediċinali u għadd ta’ vitamini li jgħinu fil-bilanċ tad-dieta tagħna minbarra benefiċċji oħra għall-ġisem.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN