Joe Julian Filgħodu

KARMENU GRUPPETTA

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Karmenu Gruppetta ħadem f’ħafna reċti bħal Il-Kerrejja ta’ Ġużè Chetcuti, Il-Ħadd fuq il-Bejt u Menz ta’ Francis Ebejer, Id-Dell tad-Destin ta’ Fr. Born u ħafna ħafna oħrajn. Iżda forsi l-aktar kummiedja li baqgħet issir fit-tul u li fiha Karmenu kellu l-parti prinċipali tal-għarus, kienet It-Tieġ ta’ Karmena Abdilla ta’ Charles Clews ma’ Vitorin Galea, Josephine Zammit Cordina u Johnny Navarro fost oħrajn. Kien ukoll wiċċ familjari f’teleserials bħalma kienu Il-Madonna taċ-Ċoqqa ta’ Ġużè Diaċono u Leli ta’ ĦażŻgħir ta’ Ġużè Ellul Mercer.

Kien jieħu sehem fl-operetti u ġieli kanta wkoll. Kien hemm waqtiet meta ħa uħud minn ħutu jieħdu sehem wkoll. Martu ma kinitx tħobb tmur miegħu għall-provi. Għalkemm ħadem f’kummiedji u drammi serji u dejjem qaxxar il-parti, hu kien jippreferi l-partijiet serji. Kien iħoss li aktar joħroġ il-personalità tiegħu.

Imma inċidenti komiċi kellu wkoll. Darba kien qiegħed jaħdem fi dramm fejn wara li jgħid xi kliem lil kollega attur ieħor, kellu jinżel f’ħofra li kien hemm f’nofs il-palk. Iżda waqt l-eżekuzzjoni ta’ dan kollu, sieħbu resaq lejn naħa fejn ma kellux jersaq u spiċċa waqa’ hu! Tistgħu taħsbu l-udjenza kemm daħket. Kulhadd induna li dak kien żball. Karmenu daħal jiġri ġewwa biex ra kif irranġa s-sitwazzjoni u d-dramm kompla.

Karmenu kien iħobb jikteb ukoll. Kien dejjem fuq it-typewriter li kellu fis-salott tad-dar ifassal xi xogħol għall-palk. Kien ilesti l-qafas tad-dramm u meta ma jkunx jista’ jagħlqu, kien iħalli għal meta jiġi f’moħħu l-aħjar għeluq possibbli. Mhux l-ewwel darba li kien ikun Għar id-Dud jew ix-Xatt ma’ martu Ġuża, ikunu qegħdin jitkellmu ma’ xi ħadd, u waqt id-diskursata jitnebbaħ għal xi għeluq tajjeb. Arah jitlaq jiġri lejn id-dar biex jiktbu!

Il-kitbiet tiegħu kien iħobb iżommhom f’kaxxa fil-kamra tal-bejt u wara mewtu, martu għaddiethom kollha lis-Sależjani. Waħda mill-aktar kitbiet li għamlitlu suċċess kienet L-Iskarpan, dramm ibbażat fuq parti mis-Salib tal-Fidda ta’ Fr Born. Bħala awtur kien rebaħ il-premju tal-Rediffusion għall-aħjar kitba ta’ serial fl-1969, filwaqt li fl-istaġun 1971/72 ħa l-istess premju, din id-darba bħala l-aħjar attur.

Karmenu kien bniedem soċjevoli. Twanny Scalpello rrakkuntali kemm kien iħobb il-kumpanija sabiħa tiegħu u dejjem irid ikun aktar miegħu. Kienu żżewġu lill-aħwa, kienu t-tnejn nies tal-palk u ħbieb kbar.

Fil-ħin ħieles, Karmenu kien iħobb ifittex il-kumpanija u jitkellem man-nies waqt xi grokk. Kien iħobb il-qari speċjalment kotba b’rakkonti tal-gwerra jew xi thrillers. Mill-bqija kien jgħaddi l-ħin jikteb. Fl-isport ma kienx attiv, għalkemm jekk kien ikun hemm xi logħba fuq it-televiżjoni ma kienx jitlifha. Kif wiehed jistenna, kien dilettant kbir taċ-ċinema u l-favoriti tiegħu kienu l-films drammatiċi. Kien dieħel u ħiereġ il-Carlton, il-Gaiety u l-Alhambra f’Tas-Sliema.

Kien ukoll dilettant kbir tal-karnival. Għalkemm ma tantx kien jieħu sehem ma’ xi kumpaniji, dejjem kien jattendi għall-isfilata u ż-żfin.

Lejn l-aħħar snin ta’ ħajtu kien iqatta’ ħafna ħin isegwi t-televiżjoni u jaqra. Karmenu Gruppetta miet nhar l-20 ta’ Frar 1997. Kien bniedem maħbub mill-udjenza, sew jekk fit-teatru sew jekk fuq it-televiżjoni jew ir-radju. Meta Johnny Navarro mar jagħti l-kondoljanzi lil Ġuża, kien iddeskriva lil Karmenu bħala veru artist. U tassew. Karmenu kien attur mill-iprem, isem tabilħaqq denju tal-palk Malti. Il-karattri li kien iqaxxar żgur li għadhom ħajjin fil-qalb ta’ dawk kollha li jiftakruhom.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN