Joe Julian Filgħodu
Lokali

KARMENU GRUPPETTA

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

In-nostalġija taf tqanqallek ħafna ħsibijiet mgħoddija. U meta tiftakar f’attur li min jaf kemm esegwixxa karattri differenti u interessanti, bilfors li l-ħsibijiet iġibu aktar ħsibijiet. Wieħed mill-aktar atturi li kienet tfittxu l-udjenza kien bla dubju Karmenu Gruppetta.

Karmenu twieled fl-20 ta’ Diċembru tas-sena 1922. Kien il-kbir f’familja kbira. Infatti aħwa kienu ħmistax, imma ħajjin kienu baqgħu tmienja, erba’ subien u erbat ibniet. Kienu residenti fi Triq Santa Marija f’Tas-Sliema. Missieru Ġużeppi kien minn Ħaż-Żabbar u kien it-teżorier tat-Teatru Rjal filwaqt li ommu Stella mwielda Camilleri minn Tas-Sliema kienet tirreċta għand l-Ursolini. Mhux ta’ b’xejn bdiet il-ħajra għall-palk f’Karmenu.

Fi tfulitu kien imur l-iskola tal-Gvern f’Tas-Sliema u kien tifel imqareb ħafna. Fl-1938, meta kellu biss 16-il sena, daħal fl-armata Ingliża u kien bumbardier. Kien jintbagħat f’postijiet differenti biex jaqdi dmirijietu. Ġieli kien fil-Fortizza ta’ Bengħajsa, bogħod minn daru, u f’inħawi oħrajn. Xogħlu kien li jispara u dejjem lest għalli jista’ jinqala’. Minkejja li meta ma kienx ikun xogħol, seta’ jidħol fix-xelter, qatt ma għamel dan u dejjem għażel li jibqa’ barra. Meta l-gwerra minn Malta waqfet, riedu jibgħatuh fost it-taqbid f’postijiet barra minn Malta fejn il-gwerra kienet għadha għaddejja. Karmenu ma riedx u telaq mis-servizz.

Wara li telaq minn suldat, Karmenu qabad l-uniku xogħol li għamel tul ħajtu kollha; dak ta’ salesman mal-kumpanija Cachia & Sons. Din il-kumpanija kienet tisssupplixxi lis-suq lokali bi ħwejjeġ, bjankerija u tant affarijiet oħrajn fosthom anki ħelu Ġermaniż. Dak iż-żmien is-salesmen ma kienx ikollhom xi vann bħalma naraw illum. Kienu jridu jaqdu dmirhom iduru l-ħwienet bil-mixi jew bil-karozzi tal-linja. Lanqas kieku kellhom il-vannijiet bħal-lum ma kien jużahom, għax f’ħajtu qatt ma saq. Darba tħajjar jitgħallem isuq u beda jipprova f’Tas-Sliema. Daħal isuq fi Triq il-Kbira, li fil-fatt ma hi kbira xejn anzi triq tassew dejqa, u ppanikkja. Beża’ li mhux se jirnexxielu jgħaddi minn dak id-djuq u beda jgħajjat: “Mhux qed nara, mhux qed nara. S’hawn għamilt! Daqshekk!” U tassew li kien daqshekk għax għadda ħajtu kollha jmur fejn imur jew b’tal-linja jew isuquh xi ħbieb.

Karmenu beda l-ħajja marbuta mal-palk meta kien imur ma’ Twanny Scalpello fi Triq il-Katidral Tas-Sliema stess għand Dun Ġorġ Zammit li kien jgħallimhom jirreċtaw. Dun Gorg kien imexxi l-kumpanija magħrufa Star of the Sea. Kienet iġġib dak l-isem minħabba l-parroċċa ta’ Stella Maris. Minn dik il-kumpanija ħarġu atturi u attriċi kbar. Minbarra Karmenu Gruppetta u Twanny Scalpello ħarġu wkoll ismijiet bħal Victor Grech, Lino Grech u oħrajn.

Wara l-kumpanija ta’ Dun Ġorġ, Karmenu daħal fil-Kumpanija Cachia, li kienet immexxija mill-magħruf direttur Wattie Cachia. Aktar ’il quddiem, f’din il-kumpanija ma’ Wattie Cachia ingħaqad ukoll Nosi Ghirlando u l-kumpanija saret jisimha Cachia Ghirlando. F’din il-kumpanija, Karmenu ħa sehem f’reċti klassiċi bl-ilsien Ingliż bħal Jane Eyre, The Late Edwina Black u Wuthering Heights.

Wara kien jirreċta ma’ ħafna kumpaniji fosthom fil-kumpanija ta’ Victor Tedesco u mal-Maleth. Kien jirreċta f’ħafna swali bħat-Teatru Manoel, l-Orpheum tal-Gżira, id-De Porres f’Tas-Sliema, ir-Radio City fil-Ħamrun u f’lokalitajiet ’l hemm u ’l hawn, prattikament fl-irħula kollha. Meta miet missieru Ġużeppi f’Jannar tal-1954, fil-jum tad-difna kellu dramm fl-Orpheum, u kif jgħidu l-Ingliżi; the show must go on. Minkejja n-niket li kien fih kellu jmur u jagħmel il-parti tiegħu xorta waħda.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN