Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Karta Strazza

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kont tixtriha bix-xejn. Anzi kienu jagħtuhielek b’xejn meta tixtri. Meta kont tmur tixtri mingħand tal-merċa ftit kien hawn prodotti li jiġu lesti fil-bottijiet. Żgur ma kienx żmien meta kienu jiġu affarijiet ippakkjati fil-plastik. Bla ma konna nafu konna favur l-ambjent meta dik il-kelma ħadd ma kien isemmiha… forsi għax min-natura konna nibżgħu għall-ambjent u ħadd ma kellu għalfejn isemmih.

Ma kienx żmien is-self-service. Tal-merċa kienu jservu kollox huma. U ħafna prodotti kienu jinbiegħu bl-użin. U mnalla għaliex mhux kulħadd seta’ jixtri ammonti kbar u allura kienu jitolbu użin ċkejken. Mur għid lit-tfal ta’ llum li tmur tixtri l-perżut, murtadella, luncheonmeat, bżar, kunserva, dqiq, xaħam, butir, irkotta, corned beef, ħelu, trab tas-sensation għal mal-ħalib u l-orange powder biex tħalltu mal-ilma, dawn kollha bl-użin. U kollha kienu jagħtuhomlna mqartsin ġo karta strazza. Per eżempju tal-merċa kienu jixtru l-corned beef f’landa kbira, jiftħuha jew bl-idejn inkella iqabbduha ma’ magna apposta, jaqilbuha rasha ‘l isfel fuq platt, jaqtgħu minnha, jitfgħuha fuq biċċa karta strazza u jiżnu.

Biex jiżnu kienu jpoġġu l-kwart, niskwart jew nofs niskwart fuq naħa tal-miżien, u l-karta bil-prodott in-naħa l-oħra sakemm il-miżien jibbilanċja. Imbagħad kienu jremblu l-karta strazza min-naħa minnhom sal-ewwel nofs, imbagħad iremblu n-nofs l-ieħor sa fuq u jispiċċaw jagħlqu kollox billi jgħaqqdu ż-żewġ truf flimkien u jgħawġuhom biex il-karta ma tinfetaħx sakemm tasal id-dar.

Għal ċerti prodotti goffi bħaz-zokkor u ġwież kienu jużaw karta eħxen li konna ngħidulha karta taz-zokkor.

Il-karta strazza ma konniex nużawha fix-xiri biss. Kien hawn min juzaha għat-tajr. Imma tajra b’din il-karta ma tantx kienet tirnexxi għax il-karti tat-tajr ikun eħfef. Aħna konna nużawha biex nittrejsjaw xi stampa għall-iskola. Għax il-karta strazza hija xi ftit trasparenti u l-istampa ta’ taħtha tkun tidher sewwa. Imma għal xi ħaġa aktar serja, bħat-tifsil ta’ xi ħaġa tal-ħwejjeġ, ommi kienet tixtri t-tracing paper, biex ix-xogħol jiġi sewwa.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN