Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Katanja

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ajruplan minn hawn sa Sqallija jieħu inqas minn tliet kwarti ta’ siegħa. Imma timmaġina li tieħu tmien sigħat biex tmur fl-istess destinazzjoni? Iva tmien sigħat konna ndumu sejrin bil-vapur mill-Port il-Kbir sal-Port ta’ Katanja. Fix-xitwa titlaq filgħodu u tasal fid-dlam. Imma ħafna nies kienu jippreferu jmorru bil-vapur biex ikunu jistgħu iġorru li jridu. Ajruplan għandu l-limiti tiegħu kemm tista’ tgħabbih.

Fis-snin tmenin kellek żewġ għażliet biex tmur bil-baħar; jew minn Sa Maison fuq il-vapur Għawdex, inkella bit-Tirrenia mix-xatt tal-Birgu. Tirrenia hija kumpanija Taljana, imma l-vapur Għawdex kien propjetà tal-poplu Malti. Kien inxtara biex jivvjaġġa bejn Malta u Għawdex, imma meta Katanja bdiet issir popolari ħafna mal-Maltin, beda jagħmel dawk il-vjaġġi. Kont tista’ tmur ġurnata Katanja; titlaq f’nofsillejl minn Sa Maison u tasal lura fis-siegħa ta’ filgħodu l-għada.

Kif jaslu Katanja fit-tmienja ta’ filgħodu ħafna Maltin kienu jerħulha lejn is-suq. Hawn min kien isejjaħlu Monti, imma l-Monti l-Belt Valletta biss jeżisti, l-oħrajn huma kollha swieq. Fis-suq ta’ Katanja kont issib minn kollox… u l-Maltin kollox kienu jġibu magħhom; ħwejjeġ ta’ kull forma, jeans, kutri, lożor, xugamani u anki xi libsa tat-tieġ. Kienu jinxtraw orħos minn Malta u allura ħafna kienu jieħdu l-okkażjoni. U l-bejjiegħa ħallihom jgħajtu qishom qegħdin ikantaw biex jiġbdu lix-xerrejja Maltin.

Kien żmien meta dulliegħ ta’ barra ma kienx jiġi f’pajjiżna. Allura fis-sajf ma tistax tmur Katanja bla ma ġġib dulliegħa daqsiex biex turiha lil tal-familja u lill-ġirien kollha qabel taqsamha. L-importanti kien li ma tixtrix id-dulliegħa kmieni matul il-ġurnata għax taqlagħlek idek biex iġġorrha kull fejn tmur.

Kien hemm min anki jixtri linef u fanali tal-kristall… u mhux wieħed u tnejn, wara li ppakkjawlu kollox, jasal lura Malta u jsib xi ġebla fil-kaxxa!

Imbagħad wara li kulħadd jgħejja jixtri, dawra sa Villa Bellini kienet komuni sal-ħin biex jerġgħu lura lejn il-vapur.

Kien żmien meta ċerti ditti ta’ ċikkulata ma kontx issibha f’Malta. Allura taħt il-vapur kienu jilqgħuk ġuvintur Sqallin jgħajtu biex ibiegħu. U mhux għaċ-ċikkulata biss kienu jgħajtu. Kif kienu jaraw xi tfajla Maltija, ta’ Taljani li huma, kienu jiftħu ħanġra daqsiex: “Ciao Bella”… anki jekk ma kienet tkun bella xejn!!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN