Radju Kafé
Kurżitajiet

Kemm tiftakru minn dawn?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ftit ilu ġie f’idi dan ir-ritratt… għandu xi erbgħin sena u fih jidhru għadd ta’ xandara magħrufa.

Huwa ritratt li ħadni lura lejn is-snin sebgħin, ħafna qabel ma bdiet l-Istrina. Għax ir-ritratt ittieħed waqt attività biex jinġabru l-fondi għall-karitajiet fi żmien il-festi. L-idea tal-karità bil-għajnuna tax-xandara ilha li bdiet. Jgħidu li żmien qabel, l-istazzjon Ingliż f’Malta BFBS kien ixandar programm jismu Ring Us Up li fih kont iċċempel, tagħti donazzjoni u jdoqqulek id-diska li tixtieq. Niftakar meta kien fetaħ ir-Radju ta’ Malta fil-Blata l-Bajda kien isir l-istess u l-preżentaturi ma kinux ilaħħqu mat-talbiet (pledges kienu jsejħulhom) tas-semmiegħa.

Imma l-attività ta’ dar-ritratt kienet pass kbir ’il quddiem. Fiha kienu jinġabru ħafna flus, għax għaliha kienu jattendu ħafna nies. Nhar l-ewwel tas-sena kienu jorganizzaw partita futbol fl-Istadium tal-Gżira bejn tim magħmul minn personalitajiet ta’ Xandir Malta u tim ieħor magħmul minn Membri Parlamentari.

U n-nies kienet tattendi, l-aktar mhux biex tara l-partita f’sens sportiv kompetittiv. Għalkemm ċert li l-partita kienet tintlagħab fi spirtu sportiv, ma tantx naħseb li kienet tħabbatha ma’ xi partita taħraq kif is-soltu kien ikun hemm fl-istess Stadium fi tmiem kull ġimgħa bejn il-ġganti tal-futbol Malti.

Imma n-nies kienet tmur fl-ewwel tas-sena mhux biss biex tagħti għall-karità imma wkoll biex tara lill-personalitajiet tar-radju, t-televiżjoni u l-politika jipprattikaw xi ħaġa li mhux soltu jagħmlu. U tista’ timmaġina x’għors… u l-logħba kienet iddum tissemma l-ġimgħat…

Kemm hu sabiħ li x-xandara jagħmlu xi ħaġa li forsi tqanqal tbissima, imma li tgħin lil ħaddieħor. U kemm hu sabiħ li s-segwaċi jikkonkorru biex jagħtu xi ħaġa fi żmien ta’ festi u solidarjetà.

Fir-ritratt hemm nies li llum m’għadhomx magħna u oħrajn li llum kibru u żgur ma jitħajrux jilgħabu l-futbol. Nirringrazzja lil xi kollegi fix-xandir li għenuni nidentifika uħud mill-personalitajiet li ma stajtx nagħraf. Fir-ritratt jidhru:

BIL-WIEQFA: Colin Cauchi, John Suda, Henry Calleja, Raymond Kelly, Tony Barbaro-Sant, Twanny Scalpello, Enzo Gusman, Charles Mizzi, Karmenu Farrugia, Norman Hamilton, Nader Salem Rizzo.

KOKKA: Charles Saliba, David Azzopardi, Mario Laus, Oliver Mizzi, Fr Hilary Tagliaferro, Joe Dimech, Johnnie Navarro.

IS-SENA T-TAJBA ĦBIEB!

 

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN