Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Kemmuna

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Wieħed mill-isbaħ mumenti int u sejjer lejn Għawdex bil-vapur huwa li tittawwal fuq naħa minnhom tal-vapur biex tara lil Kemmuna, l-gżira bejn iż-żewġ gżejjer ikbar minnha. Kif jixhed isimha, Kemmuna hija msemmija għall-kemmun u fiha xi tliet kilometri u nofs kwadri. Bħall-gżejjer l-oħrajn tagħna, Kemmuna hija mdawra bil-bajjiet u rdumijiet. Ħafna minn dawn tal-aħħar fihom anki għerien għal fuq il-baħar li kienu magħrufa sew mal-furbani biex jinħbew waqt xi manuvra tagħhom.

Jingħad li Kemmuna kellha ħafna art tinħadem fi żmien ir-Rumani. Il-Kavallieri imbagħad aktar kienu jarawha bħala art għall-kaċċa. U jekk kont tmur tikkaċċja hemm mingħajr permess, malajr kont tispiċċa taqdef fuq xi xini. Fi żmien il-Kavallieri kienet isservi wkoll bħala ħabs, permezz tat-Torri ta’ Santa Marija. L-istess torri serva wkoll ta’ ħabs taparsi dak tax-Chateau d’If fil-film The Count of Monte Cristo. Il-gżira ta’ Kemmuna kienet protagonista f’aktar films.

Fi żmien il-Franċiżi, imbagħad, il-gżira kienet isservi għall-kwarantina. Binja oħra fuq Kemmuna hija l-kappella ddedikata lir-Ritorn tal-Familja Mqaddsa mill-Eġittu. Jingħad li fl-imgħoddi, meta kien ikun il-maltemp u l-qassis ma jaqsamx minn Għawdex biex iqaddes, ir-residenti ta’ Kemmuna kienu jinġabru fl-aktar post qrib Għawdex u jħarsu lejn il-kappella tal-Madonna tal-Blat li hemm f’Ħondoq ir-Rummien.

Fuq Kemmuna hemm ukoll sptar, il-batterija ta’ Santa Marija li kienet tgħin fid-difiża tal-gżejjer, kif ukoll ir-razzett li kien jintuża biex tinżamm ir-razza pura tal-majjali. Dan kien inbena meta f’pajjiżna faqqgħet il-marda tal-African Swine Fever fil-ħnieżer u nqerdet ir-razza kollha minn pajjiżna. Hemm ukoll għassa tal-Pulizija kif ukoll lukanda u xi bungalows għat-turiżmu.

Imma fuq kollox hemm bajjiet sbieħ imfittxija mil-Maltin u t-turisti. Biżżejjed issemmi l-bajjiet ta’ Santa Marija, ta’ San Niklaw u Bejn il-Kmiemen, bejn Kemmuna u l-blata ta’ Kemmunett, magħruf bħala l-Blue Lagoon. Dawn minbarra postijiet il-ġmiel tagħhom li tilħaqhom biss minn fuq il-baħar.

Kemmuna, art xagħri u ftit raba’ maħduma mill-ftit residenti li fadal, tibqa’ ġawhra ħelwa fl-arċipelagu Malti.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN