Radju Kafé

Kieku l-Bambin twieled fi żmienna… f’Malta

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Illum sibt ċans noqgħod ftit waħdi nħares lejn il-Bambin żgħir żgħir fil-presepju. Kwiet, b’nofs tbissima u jħares lejja donnu ried jgħidli xi ħaġa. U nnutajt li dan il-Bambin tiegħi iffurtunat. Għallinqas iktar mill-Bambin li poġġew fir-roundabout. Lil dak, biex ifakkruh li 33 sena wara kellhom jorbtuh qabel il-Passjoni, diġa rabtuh marsus biex forsi ma jkollux l-istess xorti ta’ sieħbu l-Bambin tas-sena l-oħra li spiċċa misruq.

U jien u nħares lejn il-Bambin sieket, ħlomt ħolma… ħolma li kienu l-Bambin twieled fi żmienna… f’pajjiżna. Kieku Marija kienet torganiżża l-baby shower kbir u tistieden lill-qraba u ġirien, kollha jifirħulha u jmissulha żaqqha bħala awgurju. Naturalment, la stednithom, jagħtuha r-rigali kif imiss u jieħdu r-ritratti għall-okkażjoni biex iġibuhom fuq Facebook.

Kieku twieled fi żmienna, Marija ma kienx ikollha għalfejn tmur għall-ultrasound biex, fost oħrajn, tkun taf hux se jkollha tifel jew tifla. Dik l-aħbar kien tahielha l-anġlu.

Imbagħad twieled… mhux Mater Dei, imma biex inżommu mat-tradizzjoni, twieled ġo għar. U l-għada l-gazzetti kollha kellhom l-istess headline: “Ġesù twieled f’Għar Dalam.” Mhix soltu li l-gazzetti Maltin jaqblu f’xi aħbar, imma dakinhar kien eċċezzjoni.

U ġew jaraw il-rgħajja… bin-nagħaġ u xi għasluġ f’idejhom. U kieku nzertaw fi żmien il-kaċċa, mhux għasluġ biss kien ikollhom f’idhom. U la ġew jarawh u kienu minn tal-ewwel li żaruh, ħaqqhom jieħdu selfie miegħu… u ma’ Marija u Ġużeppi wkoll. Ġużeppi aċċetta, imma fakkarhom li jekk iġibu xi ritratt fuq Facebook, jgħattu wiċċ it-tarbija minħabba d-“dejtaprotekxin”.

Fil-għar kien hemm baqra u ħmara… Lill-baqra ma setgħux iħalluhielu l-ħin kollu ħdejh. Ftit xhur qabel kien hawn skarsezza ta’ ħalib lokali u għalhekk kull filgħodu  kienu joħduhielu għal xi ħin biex jaħilbuha. Lill-ħmar ħallewh hemm il-ħin kollu. Lil dak, miskin, ħadd ma jridu.

Fuq il-għar kien hemm anġlu… U dan l-anġlu deher inkwetat mhux ħażin. Tal-istazzjonijiet televiżivi kollha xtaqu juru l-aħbar b’mod esklussiv. Allura kollha bagħtu d-drones jittajru fuq il-post jiġbdu filmati uniċi… forsi jġibu kemxa jekk jirnexxilhom ibigħuhom lil xi stazzjon barrani. U għalhekk kien inkwetat l-anġlu. Hu u jittajjar fuq l-għar mhux darba u tnejn kien se “jittajjar” minn dawn id-drones fitti u jdaħħlu mneħirhom kullimkien.

Rajt anki karta mwaħħla mal-blat maġenb l-għar. Le, le… dik żgur mhix xi avviż tal-Awtorità tal-Ippjanar li hemmhekk se jingħata permess jinbena. F’Malta postijiet hekk nibżgħu għalihom, inħalluhom intatti, bla mittiefsa u żgur ebda kuntrattur ma tiġih f’moħħu li l-inħawi jagħmilhom flus. U mur int! Żgur li le!

U ġew anki l-maġi… u ġabulu r-rigali. U dawk ukoll ħadu s-selfies mal-Bambin, kollha jippruvaw jidhru biex jiftaħru li r-rigal tagħhom kien l-isbaħ. U kieku kienu nisa, qabel jiġbdu s-selfie, kienu jitfgħu xufftejhom ftit ‘il barra wkoll!

U wara ftit żmien, Ġużeppi, Marija u l-Bambin qabdu l-ħmar u ħarbu lejn l-Eġittu… U huma u telgħin lejn l-airport, Ġużeppi ma nesiex iwaħħal kartellun “Baby on Board” ma’ denb il-ħmar…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN