Radju Kafé
Kurżitajiet

Kif jinbidlu ż-żminijiet!

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kif jinbidlu ż-żminijiet… u allaħares le. Għax inkella nqammlu. Il-ħajja timxi ’l quddiem, tevolvi u aħna jkollna nimxu magħha. Jekk le, aħna mmorru ħażin, għax iż-żmien ma jistenna lil ħadd.

Dawk li bħali m’għadhomx ta’ tmintax jiftakru meta biex jidħlu fi knisja, in-nisa kienu jilbsu l-velu biex jgħattu x-xuxa. Kienu jġibuh fil-handbag u kif jaslu fuq iz-zuntier joħorġuh u jitfgħuh fuq rashom qabel jidħlu ġewwa. Anki f’xi tieġ, minkejja li jkunu ġabu xi waħda d-dar tissettjalhom xagħarhom, kien ikollhom jaħbu kollox bil-velu, bil-biża’ li jħarbtu s-setting kollu.

Jien ftit niftakar irġiel li regolarment jilbsu l-lobbja jew beritta. Imma niftakar ftit li kienu xjuħ diġà. Dawn bil-kontra, qabel jidħlu fi knisja kienu jneħħu l-għata ta’ rashom u jikxfu l-qargħa jew il-ftit beżbużiet li kienu jisselfu biex jgħattuha.

Inbidlu ħafna drawwiet marbutin mal-knisja, anki qabel ma niftakar jien. Il-quddiesa saret bil-Malti, il-qassis ma baqax iqaddes dahru lejn in-nies, naqsu l-ġranet tas-sawm fir-Randan, minflok l-iswed daħal il-lewn vjola għall-Ġimgħa Mqaddsa fost ħafna bidliet oħrajn imnebbħa mill-Konċilju Vatikan II. U jidher li f’Malta dawn il-bidlet damu biex kienu aċċettati.

Kien hemm affarijiet oħrajn li damu biex kienu aċċettati. Ftit ilu ġie f’idi dad-dokument mis-snin sittin meta anki r-Rock n Roll kien ikkundannat. Kif turi s-silta fir-ritratt, il-mużika kif ukoll id-dances bir-Rock n Roll kienu kkundannati għax ibaxxu s-sens ta’ dinjità. Kienu jsejħulhom rikreazzjoni li mhix onesta u nadifa. Saħansitra kienu sejħu lill-ġenituri biex iħeġġu lil uliedhom jibbojkottjaw kull fejn tindaqq dit-tip ta’ mużika u jsir żfin għaliha. U min jaf kemm żgħażagħ illetikaw mal-ġenituri tagħhom għax ma riduhomx jattendu f’dawn il-postijiet. Imma ż-żmien jinbidel… u allaħares le.

Dak iż-żmien kulħadd kien imur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd. Eċċezzjonijiet żgħar ħafna kont issib. Illum mod ieħor. Stħarriġ apposta jgħid li llum inqas minn nofs il-popolazzjoni għadha tmur quddies regolari. Jekk morniex ’il quddiem jew le ma ngħidux jien.

Imma ta’ min jinnota li fil-marċi tal-festa jattendu aktar minn nofs in-nies ta’ belt jew raħal.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN