Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Klieb il-Baħar

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-bniedem dejjem jibża’ minnhom. F’ħafna rakkonti tal-biża’ dwar il-baħar, il-kelb il-baħar kważi dejjem ikollu parti. Għax il-kelb il-baħar jiekol lin-nies. Veru tal-biża’. Imma m’għandniex niħduha bi kbira. Bħalma l-bniedem jiekol annimal għax jiflaħ aktar minnu, hekk il-kelb il-baħar jiekol bniedem jekk isib iċ-ċans. Anzi din il-kreatura marittima ma titlax fuq l-art biex taqbad in-nies għall-ikel kif jagħmel il-bniedem fil-baħar.

Il-bniedem waħdu ftit għandu ċans quddiem kelb il-baħar. Għax kull meta jiltaqgħu, ikunu fit-territorju tal-kelb il-baħar, mhux tal-bniedem, u allura l-ħuta kbira kapaċi timmanuvra aktar mill-vittma jaqdef b’par idejn biss.

Imma l-bniedem juża mezzi oħrajnkontra l-kelb il-baħar, u minħabba f’hekk dawn il-ħut qegħdin isiru estinti. U fil-fatt dik hija l-biża’ l-kbira. Għax matul is-sena aktar nies joqtlu klieb il-baħar milli bil-kontra. Imma meta jattakka l-kelb il-baħar biss il-ġrajja ssib post fl-aħbarijiet. Għad jasal żmien meta klieb il-baħar jispiċċaw mill-ibħra u jibqgħu biss fl-istampi. Kemm aħna razza ta’ dwejjaq!

F’nofs is-snin sebgħin, kien ħareġ film li qanqal il-kurżità ta’ kulħadd. Kien jismu Jaws u kien jirrakkonta storja ta’ Great White daqsiex li kien jattakka n-nies f’kumpless turistiku. Naturalment min kien qiegħed jagħmel negozju mit-turiżmu beda jgħid li min tal-kelb il-baħar hija biss ħlieqa, għax kien hemm it-teżor tiegħu fin-nofs. U kien hemm min bela’ l-lixka tiegħu u baqa’ taħtha, għax il-fatti kienu mod ieħor.

Niftakar ħafna nies biex jidħlu fiċ-ċinema. Min qatt ma mar it-talkies, kien mar biex jara dan il-mostru tal-baħar. U għalkemm dak iż-żmien kont trid taqta’ l-biljetti xi jumejn qabel film, f’dan il-kas ridt taqta’ ħafna iktar qabel. Ħafna riedu jarawh, u ħafna qgħadu jinħasdu u jaqbżu kull meta jitfaċċa x-shark fuq l-iskrin. Jien aktar bdew jaħsduni ta’ quddiemi jaqbżu milli l-kelb il-baħar.

Fil-fatt, aktar għandna sharks fuq l-art milli fil-baħar… u jafu jimmanuvraw kulma jiġi għal idejhom. U msieken il-vittmi.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN