Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Kristu u l-Poplu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Twieled f’għar tal-annimali u llum wieħed mill-aktar personaġġi famużi fl-istorja tad-dinja, minkejja li għaddew aktar minn elfejn sena, minkejja li għex biss 33 sena fuq l-art, minkejja li spiċċa b’sentenza għall-mewt mill-aktar umiljanti…

Għal ħafna mill-poplu Lhudi, Ġesù Kristu kien eroj. Bla dubju fil-bidu ħafna kienu xettiċi imma meta rawh jagħmel il-mirakli fehmuha mod ieħor. Aktar u aktar fi żmien meta l-Palestina kienet taħt il-ħakma kiefra Rumana, fi tfittxija għal mexxej militari jew politiku li seta’ jeħlishom mill-madmad, fi Kristu sabu l-bniedem tal-mument. Imma hekk kif il-poplu mexa warajh u kien jgħaddi sigħat sħaħ jisma’ t-tagħlim tiegħu, il-kbarat Lhud bdew iħarsu lejh mod ieħor. Fih raw theddida għall-poter tagħhom…

L-ewwel segwaċi ta’ Ġesu kienu dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista… kien jiġi minnu u l-Għammiedi stess qalilhom li ġej min hu aqwa minnu. Man-nies malajr sar popolari, speċjalment meta mela żaqq folla kbira bi ftit ħobż u ħut. Għax lin-nies, la timlielhom żaqqhom iħobbuk. Imma mhux hekk biss. Dan beda jfejjaq lill-morda wkoll; lill-mifluġ, lill-għama u anki wieħed maħkum mix-xjaten.

U meravilja akbar kienet il-qawmien mill-mewt ta’ Lażżru. Għan-nies Ġesù kien jagħmel affarijiet ta’ barra minn hawn… kien il-bniedem li kulħadd jitkellem fuqu, li kulħadd jiġri warajh li ma jmurx jitlef xi ħaġa ġdida li jfettillu jagħmel.

Lin-nies tahom dak li xtaqu. Barra minn hekk tahom ukoll linja gwida. Id-diskors tal-muntanja tista’ tqisu bħala programm politiku… kif bniedem għandu jgħix f’solidarjetà ma’ ta’ madwaru.

Wieħed hawnhekk jistaqsi: jekk dan il-poplu f’ġurnata minnhom laqgħu fil-belt bil-friegħi taż-żebbuġ, kif ftit jien wara għajjat “Sallbu sallbu”? Studjużi kbar jgħidu li probabbli ma kinitx l-istess folla. Il-pjazza fejn in-nies riduh jinqatel tant hija żgħira li probabbli dawk kienu n-nies ta’ madwar il-qassisin il-kbar u l-kbarat li kellhom poter reliġjuż u politiku, qishom il-kanvassers ta’ llum, dawk li jaqblu f’kollox ma’ dak ta’ fuqhom, anzi jimpikaw bejniethom min se jitmasħan l-aktar favur id-duttrina ta’ sidu.

Il-kbarat rawh qiegħed jiġbed lill-kotra u l-popolarità tagħhom bdiet tmajna, qishom kandidati fl-elezzjoni li jmorru ħażin fis-survey u jaraw kif se jagħmlu propaganda aktar, jew jippruvaw jagħlqu ħalq il-kompetituri tagħhom…

Għax l-istorja tibqa’ dejjem tirrepeti lilha nnifisha.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN