Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Kuluri

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Id-dinja mimlija kuluri u pajjiżna xejn inqas. Ħafna drabi meta nsemmu l-kuluri nirreferu għal kuluri li kultant jifirduna. Per eżempju l-partiti politiċi għandhom il-kuluri tagħhom u dawn tarahom fl-ilbies tas-segwaċi f’xi attività tal-massa. Il-każini tal-baned ukoll għandhom il-kuluri tagħhom u dawn ukoll tarahom fil-ġranet tal-festa fil-bnadar fuq il-bjut u fuq il-flokkijiet fil-marċi. Anki t-timijiet tal-futbol għandhom il-kulur tagħhom li żgur ikun jispikka fost il-partitarji fil-grawnd.

Imma l-kuluri ma jeżistux biss biex nidentifikaw partitarju minn ieħor. L-ilwien insibuhom kullimkien, madwar kull fejn inkunu. Per eżempju żgur kulħadd jammira l-ġmiel tal-kulur ikħal fil-baħar li jdawwarna. F’ċerti postijiet, qiegħ il-baħar tant hu sabiħ li fih issib diversi kuluri li tista’ tarahom anki mill-art. U min jogħdos, isib taħt wiċċ il-baħar ambjent, ħut u kreaturi differenti li wkoll fihom tiżwieqa sħiħa ta’ lwien. Dan minbarra lwien ir-ramel ul-blat li jdawru x-xtut.

Il-baħar huwa rifless tas-sema, u t-tnejn ikunu kaħlana meta jkun bnazzi. Imbagħad meta jissaħħab u tkun ġejja xi maltempata naraw is-sema ssir griża u l-baħar ukoll. Imma s-sema ġieli tkun ħamra wkoll, skont it-temp. Infatti ngħidu li “ħmura tal-filgħaxija lesti l-bhejjem għat-tiġrija, u ħmura ta’ filgħodu lesti l-bhejjem fejn joqgħodu.” U la qed insemmu s-sema ma nistgħux ninsew li wara xi ħalba xita, hekk kif titfaċċa lura x-xemx, fis-sema naraw il-qawsalla bil-kuluri kollha fiha.

U xi ngħidu għall-ġmiel ħadrani tal-kampanja? Għoljiet u widien iħaddru, kultant imnaqqxa bl-aħmar tal-pepprin jew tas-silla, bl-isfar tal-ħaxixa Ingliża u l-lelluxa, inkella bil-blu tal-fidloqqom. Anki l-prodotti agrikoli jagħti l-kulur lil artna: it-tadam, il-bżar, il-brunġiel, il-ħwawar, il-larinġ, in-naspli, l-għajnbaqar, il-ħawħ u mitt ħaġa oħra. Anki l-inqas bajtra tax-xewk li xejn m’għandha bżonn ta’ xi kura speċjali, kapaċi tagħmel frott bi tliet ilwien differenti.

Insomma l-kampanja hija pittura sħiħa bla firma… għax hi xogħol in-natura. Imbagħad jinqaleb l-istaġun u l-kuluri jibdew jintfew. Għalqa ħadranija mimlija qamħ tisfar, issir dehbiena sakemm tinħasad u nibdew naraw lewn il-ħamrija, jew kannella ħamrana, inkella bajdanija.

Pajjiżna qisu paletta ta’ pittur… mimlija lwien.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN