Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Kusksu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

It-tjubija tar-rebbiegħa. Soppa sħuna bil-benna mill-kampanja Maltija fi platt mill-itjeb. Hawn min isejjaħlu Ful bil-Kusksu u hawn min jgħidlu Kusku bil-Ful. Imma ssejjaħlu xi ssejjaħlu jibqa’ dejjem tajjeb. Huwa platt soppa b’għaġin f’forma partikolari u l-ful frisk.

Niftakar meta kellna l-għalqa, l-ful kien jikber bis-sigħat. Konna nduru għall-budebbus għax dak huwa parassita li tikber miegħu u teqirdu. Imma l-bqija, ħlief għall-budebbus, il-ful ftit kien ikollu bżonn kura. Ma tantx irid xi ħafna ilma, li f’pajjiżna m’għandniex bir-rimi, u jekk tħallih jibqa’ jikber u jitkattar waħdu tant kemm il-klima tagħna hija perfetta għalih.

Il-ful huwa wieħed mill-aktar prodotti popolari fl-għelieqi tal-gżejjer tagħna. U tajjeb nej ukoll! Niftakar meta konna morru naqtgħu, iktar kont niekol minnu nej milli nitfa’ fil-borża. Qabel taqtgħu tħossu li ħxien biżżejjed biex jittiekel, taqtgħu, tiftaħ il-miżwed, imbagħad tqaxxar fulu fulu li frisk wara li jinqata’ jkun għadu ħalib u jdub f’ħalqek.

Il-ful li kien isib lilu nnifsu fil-borża, imbagħad, konna niħduh id-dar jew biex jitgħalla mat-tewm għal mal-ikel bl-imluħa, inkella għar-riċetta favorita fil-borma tal-kusksu.

Ħadd ma jaf ezatt minn fejn ġiet dir-riċetta f’pajjiżna. Jidher ċar iżda li fiha xejriet ta’ oriġini kemm Għarab kif ukoll Spallin. L-għaġin, il-kusksu, qisu l-couscous imma ikbar. Hawn min jgħid li qisu couscous tal-Palestina, u hawn min isejjaħlu Pearl Pasta. Huwa għaġin li jerħi fil-borma biex jagħmel is-soppa waħda aktar rikka.

Naturalment fir-riċetta nsibu wkoll il-basla, tewma, żejt taż-żebbuġa, bżar, tursin u l-kunserva tat-tadam. Hawn min iżidha wkoll xi ġbejna friska tal-mogħoż jew tan-nagħaġ. Hawn min anki jitfgħalha ftit irkotta minflok ġbejna. Titfa’ x’titfa’, fis-sħana tal-borma jdub u jkompli jżid mal-benna li tinżillek għasel speċjalment f’xi naqra temp kiesaħ.

Minħabba li l-ful bil-kusksu ma fih ebda laħam, i minħabba li żmien il-ful huwa fir-rebbiegħa, din hija riċetta popolari ħafna għal żmien il-Ġimgħa Mqaddsa meta ħafna jsumu mil-laħam.

Aħħħ… ftaħt l-aptit!

 

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN