Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Akwedott

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Meta wara l-Assedju l-Kbir, l-Ordni ta’ San Ġwann ried jibni l-belt Valletta kien importanti li l-belt il-ġdida tkun kapaċi tiflaħ l-eventwalità ta’ assedju ieħor.  Il-flotta Torka kienet għadha attiva ħafna fil-Mediterran u xejn ma riedu l-kbarat tal-Mislem li jiġu lura jpattulna dak li ġara fl-1565.

Biex belt fortifikata tiflaħ għal assedju, ried ikollha provvista regolari ta’ ikel għan-nies li jinqabdu ġewwa. Għal dan il-għan inbnew fosos f’ħafna nħawi biex fihom jaħżnu l-qmuħ, inbnew imtieħen biex jitħnuh għall-produzzjoni tal-ħobż u fran biex jaħmuh. Imma biex tipproduċi l-ħobż irid ikollok l-ilma. U ilma fuq l-Għolja Sceberras ma kienx hemm.

Għal dan il-għan l-ilma nġieb mill-għoli ta’ Ħad-Dingli u r-Rabat permezz ta’ katusi li jaqilbu bil-gravità lejn il-belt biex tinħoloq pressa tajba ta’ ilma. Hemm inħawi fejn biex il-katusi jaqilbu kellha titħaffer l-art u hemm postijiet fejn il-katusi kellhom jintrefgħu mill-art… biex joffru t-taqlib bżonnjuż. U minħabba f’hekk kellu jinbena l-akwedott; ħajt twil mimli arkati biex jgħolli l-katusi għall-pożizzjoni meħtieġa.

L-akwedott ħa diversi snin biex inbena u ssemma’ għall-Gran Mastru Alof de Wignacourt li ħareġ parti mill-ispejjeż tiegħu. Jgħaddi minn Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u Santa Venera. F’punt minnhom, lejn Birkirkara, l-ħajt jaqleb min-naħa għall-oħra tat-triq u allura kellha tinbena mina biex minn taħtha jgħaddi t-traffiku ta’ karrettuni dak iż-żmien. Din ġiet imżejna bl-istemma ta’ Wignacourt, il-fleur-de-lys… u allura l-post baqa’ magħruf bħala Fleur-de-Lys. Meta t-traffiku nbidel u żdied, fis-snin sittin, xarabank laqtet din l-arkata li maż-żmien twaqqgħet. Kien fl-2015 meta nbniet kopja tal-mina f’nofs ir-roundabout eżistenti.

Matul it-triq lejn il-Belt, inbnew ukoll it-Turretta f’Santa Venera u t-Tromba ta’ Atoċja fil-Ħamrun u t-Torri tal-Ilma maġenb Sarrija fil-Furjana biex tkun spezzjonata l-pressa tal-ilma. F’dan tal-aħħar kien hemm ukoll funtana biex tipprovdi l-ilma minħabba li jinsab ‘il ġewwa mis-swar.

Minkejja li nsibu diversi interpretazzjonijiet, jingħad li l-ewwel ilma fil-Belt ħareġ f’funtana fi Pjazza San Ġorġ. Dil-funtana jingħad li nbidlet fil-forma u d-daqs u bidlet il-post ukoll u dak li fadal minnha jinsab illum fi Ġnien San Filippu fil-Furjana.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN