Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Annimali fil-Milied

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Min jaħseb li l-l-Milied huwa tal-bnedmin biss sejjer żball. L-annimali kellhom parti fil-ġrajja tiegħu u għadu jkollhom parti llum ukoll.
L-ewwel annimal li rrid insemmi hija l-ħmara; annimali li ħafna jassoċjawha mal-injoranza. Imma kienet il-ħmara li ġarret lil Marija tqila b’Ġesù sa Betlem u daret magħha u ma’ Ġużeppi jfittxu fil-lukandi u l-imkejjen kollha fejn setgħet twelled omm il-Bambin. Imbagħad nafu li kienet ukoll fil-għar tmaxtar it-tiben fil-lejl tal-Milied. U probabbli kienet l-istess ħmara li wasslithom sal-Eġittu meta Erodi beda jgħir li
se jitlef ir-renju.

Mal-ħmara fil-għar kien hemm ukoll il-baqra. It-tnejn saħħnu lit-tarbija bin-nifs tagħhom mill-kesħa tal-lejl. U f’kull pittura jew saħansitra f’kull presepju, mal-Bambin, il-Madonna u Ġużeppi dejjem insibu lill-baqra u l-ħmara preżenti.

Fil-presepju npoġġu wkoll xi nagħaġ. L-ewwel bnedmin li żaru lit-tarbija fil-għar kien hemm ir-rgħajja li kienu qegħdin jirgħu in-nagħaġ, u allura dawn in-nagħaġ żgur marru mas-sidien tagħhom iżuru lill-Bambin ukoll. U minbarra n-nifs tal-baqra u l-ħmara, is-suf tan-nagħaġ żgur kien ta’ wens ukoll għat-tarbija f’għar miftuħ.

U meta ġew iżuruh it-tliet maġi, ġew bl-iġmla jew biż-żwiemel. Dawn ukoll kellhom parti importanti biex wasslu lis-sidien tagħhom mill-bogħod bit-tliet rigali simboliċi tagħhom.

Illum il-ġurnata l-annimali baqgħu parti mill-Milied ukoll. Nara lil Santa Klaws misjuq mir-renni jdur iqassam ir-rigali lit-tfal. Hawn tfal li lejlet il-Milied fid-dar iħallu ftit karrotti għar-renni li biex jikluhom waqt il-vjaġġ li joħodhom għand it-tfal madwar id-dinja kollha.

Il-pitirross huwa wkoll parti mill-Milied. Ma nafx kemm-il pitirross rajt fuq kartolini differenti, mistrieħ fuq xi fergħa ħadra bil-hollies ħomor sbieħ daqs sider l-għasfur, imdawrin b’xi xena kollha borra bajda.

Se nsemmi wkoll il-kelb. Meta kont żgħir kellna kelb li tant kien jirrabja meta kuljum kien jiġi l-pustier aktar minn darba minħabba t-tqassim tal-kartolini. Il-pustier kien drah jinbaħ.

Bilħaqq anki l-qattus. Min jaf kemm hawn nies li għandhom qattus li telgħalhom mal-Christmas Tree u waqqagħhielhom bit-tiżjin b’kollox!

U miskin ma rridx ninsa lid-dundjan… dan l-inqas annimali li jieħu pjaċir bil-Milied!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN