Bonġu Kafé
Kurżitajiet

L-Arbli

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

F’Malta u Għawdex tara ħafna bjut bl-arbli fuqhom, l-aktar fin-nofs tal-faċċata. Hemm min jagħmillek kaxxa tal-konkos fuq wara tal-apramorta biex jorbot l-arblu magħha, imbagħad ikompli jsaħħu bil-ventijiet stirati ma’ kull naħa biex jilqa’ għal kull riħ.

Fost dawn il- bjut issib il-każini, sportivi, tal-baned u anki politiċi. Dawn itellgħu il-bandiera tal-għaqda tagħhom minbarra bnadar oħrajn matul is-sena, dejjem skont l-okkażjoni. Meta jtellgħu il-bandiera tat-tim mal-każini sportivi, ħafna drabi tkun għax ikunu rebħu xi partita. F’xi telfa l-arblu jibqa’ vojt. Anki dawk politiċi, jtellgħu il-bandiera tal-partit biss meta tkun ġrat xi ħaġa pożittiva lill-partit. Il-każini tal-baned idandnu l-isbaħ bandiera tal-banda fi żmien il-festa, u minħabba r-rabta tal-banda mal-knisja, jtellgħu ukoll bnadar oħra relatati mar-reliġjon u l-festi ta’ matul is-sena. Fuq ħafna arblimal-każini tal-baned, fuq nett tal-arblu jkun hemm forma ta’ arpa, tal-metall, biex turi li dik hija għaqda mużikali.

Imma l-maġġoranza tal-arbli fuq il-bjut ta’ pajjiżna ssibhom fuq residenzi privati. Hawn min hu dilettant tal-bnadar u fi djar privati ssib settijiet ta’ bnadar differenti għal żminijiet differenti tas-sena. Tara ċerti rħula, speċjalment lejn il-punent tal-pajjiż li l-kwantità ta’ arbli joħolqu spettaklu kkulurit. Imbagħad għal bil-lejl itellgħu ukoll xi fistun bozoz minflok il-bandiera. Ħafna fistuni jkollhom il-bozoz bil-kulur skont ma’ liema banda jżomm magħha sid id-dar.

Minn xi żmien ’l hawn qed jidhru wkoll arbli twal fuq xi roundabouts jew f’postijiet pubbliċi. Dawn ikunu jew tal-kunsill jew ta’ xi għaqda tal-banda biex fuqu jtajru l-kuluri tagħhom. U meta jkun il-kas tal-aħħar, tinħoloq pika bejn raħal u ieħor, jew bejn banda u oħra ta’ min hu l-itwal arblu… kemm jidher minn irħula ’l bogħod.

Naturalment issib ukoll arbli fuq uffiċini tal-President u tal-Gvern bħal Ministeri u Segretarjati Parlamentari. Ma’ dawn l-arbli titla’ biss il-bandiera nazzjonali.

L-arblu u l-bandiera jagħtu messaġġ ukoll meta għaqda, raħal jew anki l-pajjiż ikun f’luttu. F’dak il-kas il-bandiera ma tittellax sa fuq… tittella’ sa nofs l-arblu, dik li ngħidulha mezzalasta. Ġieli jagħmlu ċoff iswed mal-bandiera wkoll.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN